Li kieku kellna napplikaw id-dubji mhux verifikati dwar elezzjoni interna f’partit għad-dubji li jista’ jkun hemm dwar l-andament ta’ proċess elettorali nazzjonali, jista’ jkollna ftit tal-ħjiel tar-riskji li nistgħu nsibu ma’ wiċċna.

Immaġinaw li kieku partit politiku jirbaħ fuq ieħor f’elezzjoni ġenerali b’2,000 vot (hekk kien ġara’ fl-2008) u jkun hemm xi ħadd li jallega b’mod kredibbli li l-partit rebbieħ kien bagħbas il-proċess tal-voti billi xeħet fil-kaxxi 1,001 vot finta jew li b’qerq neħħa d-dritt tal-vot ta’ 1,001 votant minn distretti li jxaqilbu favur il-partit tellief.

Ċertament ikun hemm ċans kbir li jseħħ l-inkwiet. Konna nkunu fl-istess sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-PN fl-1981 meta kien tilef l-elezzjoni b’inqas siġġijiet parlamentari għaliex il-gvern kien bagħbas id-distretti elettorali biex apposta jwassal għal riżultat pervers u anti-demokratiku.

Fl-1981, il-mexxejja tal-partiti ma kienux jintgħażlu mill-membri kollha tagħhom iżda minn rappreżentanti tal-membri kollha tagħhom.

M’jinix ngħid li votazzjoni ristretta hi aħjar minn votazzjoni mill-membri kollha. Qed ngħid biss li l-qafas kostituzzjonali tagħna baqa’ ma ġġeddidx hekk kif seħħ it-tiġdid fi ħdan il-partiti politiċi fil-metodu dwar kif jintagħżel il-mexxej.

Din hi problema għaliex it-tesserati ta’ partit (li jiffurmaw biċċa żgħira ħafna mill-elettorat) issa għandhom is-saħħa li jwettqu deċiżjonijiet kostituzzjonali li huma importanti ħafna. Nhar is-Sibt li ġej it-tesserati tal-Partit Laburista ser jiddeċiedu min ser ikun il-“kink” tagħna li jmiss.

Dan ser jagħmluh mingħajr is-salvagwardji li teħtieġ il-Kostituzzjoni tagħna meta jsiru elezzjonijiet bħal dawn. M’hix ħaġa tas-soltu li l-Prim Ministri jintagħżlu b’dan il-mod u ħafna drabi l-għażla ssir mill-elettorat kollu li jagħti l-ewwel preferenza tiegħu lill-kandidat preferit tiegħu li jkun fuq il-lista tal-partit immexxi mill-persuna li ssir prim ministru kemm il-darba l-partit immexxi minnu jakkwista maġġoranza ta’ voti validi madwar il-pajjiż kollu.

Minħabba l-importanza ta’ din l-għażla, għandna liġijiet li jirregolaw il-proċess elettorali, li jwaqqfu kummissjoni elettorali, li jipprovdu għal xandir pubbliku regolat, għal limiti fuq infieq pubbliku u għal limiti fuq donazzjonijiet minn persuni privati għall-kampanji elettorali. U dawn ir-regolamenti kollha jiġu infurzati minn aġenti indipendenti tal-istat bħalma huma l-kummissjoni elettorali u, jekk ikun meħtieġ, il-pulizija u l-qrati.

M’hemmx dubju li f’elezzjoni nazzjonali l-infurzar m’huwiex strett. Iżda l-liġijiet qiegħdin hemm u jekk dawn jinkisru nistgħu nagħmlu pressjoni fuq l-istituzzjonijiet biex jinstab rimedju.

Diġà qed nisma’ lil min ifakkarni li Lawrence Gonzi kien sar prim ministru bis-saħħa ta’ elezzjoni interna fi ħdan il-PN u li dak iż-żmien ma kontx ilmentajt. Dak iż-żmien kont naħdem taħt wieħed mill-ministri tiegħu u għaldaqstant kont qed nappoġġjah b’mod indirett.

Dan ma jfissirx li m’għandix niġbed l-attenzjoni biex l-affarijiet intejbuhom.

Fil-kitba li jmiss inkompli nwieġeb.