Il-Prim Ministru Robert Abela għamel emfasi kbira li għandu kuxjenza kwieta. Jidher li għandu l-istess nuqqas ta’ ħila patoloġika li kellu dak ta’ qablu li jerfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tiegħu stess.

Iżda Joseph Muscat kien ammetta li kellu kriżi ta’ kuxjenza dakinhar li pprova – mingħajr ma rnexxielu – jreġġa’ lura lejn il-Libja immigranti li kienu ġew salvati fl-ibħra Maltin. Fl-2017 Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet żammet lil Joseph Muscat milli jreġġa’ lura lill-immigranti wara li numru mdaqqas ta’ avukati kien talbu l-intervent tal-Qorti ta’ Strasburgu.

Din id-darba, t-talba għal intervent saret tard wisq biex setgħet tintervjeni l-Qorti Ewropea.

Il-bieraħ “kelliem tal-gvern” tkellem mat-Times of Malta dwar dak li jista’ qed iżomm kwieta l-kuxjenza tal-prim ministru. Ir-rapport jagħmilha ċara li “taħt il-liġijiet internazzjonali, meta pajjiżi jirritornaw lil dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil lura lejn il-pajjiż fejn x’aktarx ser jiġu ppersegwitati, jkunu ħatja ta’ reat kriminali”. Is-sentenza li kienet tat fl-2017 il-Qorti Ewropea ta’ Strasburgu dan għamlitu ċar ħafna.

Iżda f’dak il-każ, Malta kienet ser tagħmel użu mill-vapuri tal-armata tagħha biex treġġa’ lura lill-immigranti. Din id-darba, l-gvern Malti qabbad lil Charles Grech biex isir użu mill-vapur tiegħu li jtajjar il-bandiera tal-Libja biex l-immigranti jkunu jistgħu jitreġġgħu lura biex jintefgħu l-ħabs u titwettaq it-tortura fuqhom. Il-bieraħ it-Times of Malta kitbet li: “l-manuvra ssejħet minn kelliem tal-gvern bħala waħda konvenjenti intiża biex, minflok igħaddi mill-bieb, igħaddi mit-tieqa.”

Possibbli li s’hawn biss twassal il-kuxjenza? Minflok twettaq ir-reat kriminali int stess, tqabbad lil ħaddieħor biex iwettaq l-istess reat u ma jkun ġara’ xejn. B’raġunament bħal dan, raġel li jkun irid jeħles minn martu għandu jgħaddiha lixxa kemm il-darba jqabbad lil ħaddieħor biex joqtolha u jeħles minnha. Hu minn ewl id-dinja li dan ir-raġel m’għandux igħaddiha lixxa.

U dan il-kelliem, li bħal donnu ftaħar dwar kemm jilħaqlu l-gvern meta ddeċieda li jreġġa’ lill-immigranti lura lejn l-infern li kienu fih u li kienu ħarbu minnu, juri kemm infirxu l-preġudizzju razzjali u d-disprezz lemini estrem lejn il-liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem.

Hawn għandna sitwazzjoni fejn vapur merkantili privat tqabbad biex isalva lil min kien f’periklu li jegħreq u biex ireġġa’ lil dawn ir-refuġjati lura lejn post li fih hemm nuqqas ta’ sigurtà. Wieħed jista’ jsejjħilha treġġija lura privatizzata.

Din il-kwistjoni ġiet ittratata f’artiklu miktub minn Patricia Mallia (issa Patricia Vella de Fremaux, kap tad-dipartiment tal-liġijiet internazzjonali fl-Università) u minn Jean Pierre Gauci u mxandar fil-Journal of International Maritime Law dwar il-każ tal-MV Salamis. (Tistgħu taqraw dwar dan il-każ hawnhekk)

Fl-artiklu tagħhom, l-awturi jispjegaw li “mhuwiex permess li stati jevadu l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħhom billi jqabbdu persuni jew entitajiet privati biex iwettqu dak li ma jistgħux jagħmlu huma stess bil-liġijiet internazzjonali. F’dan il-kuntest, stat ma jistax iqabbad vapur privat biex ireġġa’ lura immigranti lejn port li fih ma jitħallewx jidħlu vapuri uffiċjali”. (Araw: Journal of International Maritime Law, Mejju 2014.)

Fi kliem ieħor, dak li għamel il-gvern fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid huwa llegali. Ma jfissirx li l-gvern ma wettaqx reat kriminali għaliex iddeċieda li jqabbad vapur li ma kellux bandiera u li ismu ma kienx jidher.

U dan huwa reat kriminali serju ħafna għaliex iġib miegħu konsegwenzi diretti. Hawn isfel jidher ritratt tal-wasla tal-vapur fi Tripli ftit tal-ġranet ilu. Min jaf dan ir-ritratt iniggiżlux il-kuxjenza lil Robert Abela?

Hemm ukoll implikazzjoni aktar wiesa’: meta stat – li jġib ruħu mal-bnedmin bħallikieku huma ħrief lesti għall-qatla – ireġġagħhom lura lejn post li minnu jkunu ħarbu minħabba torturi, skjavitù u ġuħ, ir-reat ma jkunx twettaq biss kontra l-vittmi.

Issa li sirna nafu li bosta minn dawn l-immigranti li kinu riekbin fuq id-dinghy kienu mill-Eritrea u mis-Sudan t’Isfel, juri li dawn ma kienux qed jaħarbu mill-għaks biss iżda wkoll mill-persekuzzjoni.

Kif stqarr dan l-aħħar avukat internazzjonali, reat kriminali bħal dan huwa wieħed kontra l-umanità.