Bil-għan li jqanqal l-appoġġ għad-deċiżjoni tiegħu li jikser il-liġijiet internazzjonali billi jreġġa’ lura lill-immigranti lejn il-Libja, pajjiż mifni bil-gwerer u bil-ġellieda jiġu mat-toroq, il-gvern ta’ Robert Abela sejjes l-argument tiegħu fuq l-iskuża tal-epidemija Covid-19.

Iżda wieħed jeħtieġ li jżomm f’moħħu li l-pjan biex ireġġa’ lura lir-refuġjati kien ilu li nħema. Dan il-pjan kien inkixef fi Frar 2020 minn ħadd aktar minn Neville Gafà li lill-ġurnal MaltaToday qallu li wasal għal ftehim mal-awtoritiajiet tal-Libja fuq struzzjonijiet tal-eks prim ministru Joseph Muscat. Id-dettalji ta’ dan il-pjan baqgħu ma nkixfux.

F’Novembru li għadda il-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin svela li kien hemm “ftehim ta’ koperazzjoni” sigriet mal-Libja. Ixxandar ritratt ta’ laqgħa mad-deputat prim ministru Libjan ma’ delegazzjoni Maltija li kienet tinkludi lil Neville Gafà u lil Kurunell Clinton O’Neill li huwa kap tal-operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Dan il-“pjan” ilu jinħema. Segwu dan il-link għall-website ta’ Alarm Phone li fih iddokumentaw każ ieħor ta’ treġġija lura ta’ refuġjati f’Marzu li għadda. Każ simili kien seħħ f’Ottubru 2019 meta l-epidemija Covid-19 kien għadu ħadd ma ħolom biha. Dawn il-vjaġġi ta’ treġġija lura kienu ko-ordinati mal-hekk imsejjħin gwardji tal-kosta tal-Libja. U issa morna pass ‘il quddiem bil-kiri ta’ vapuri privati bil-għan li jreġġgħu lura lir-refuġjati b’mod sfurzat u llegali lejn it-tortura u anki agħar minn hekk.

Il-kiri ta’ vapuri privati għal dan l-eżerċizzju ta’ treġġija lura ta’ refuġjati li seħħ matul l-aħħar 6 xhur juri li l-epidemija Covid-19 ma kellha x’taqsam xejn.

Iżda matul tmiem il-ġimgħa tal-Għid kien hemm deċiżjoni oħra li kienet ttieħdet qabel ittieħdet id-deċiżjoni li jinkera vapur tas-sajd – li sidu huwa Malti iżda li jtajjar il-bandiera tal-Libja – biex ikaxkar lura lill-immigranti lura lejn il-Libja. Din id-deċiżjoni kienet li m’għandu jkun hemm ebda lanċa tal-istat Malti involuta fis-salvataġġ tal-immigranti li tal-Frontex diġà kienu lemħuhom minn jiem qabel u li kienu wkoll intlemħu minn ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta l-għada tal-Għid filgħaxija.

X’kienet ir-raġuni li tal-Forzi Armati naqsu li jibgħatu lanċa biex tiġbor u ssalva lill-immigranti li kienu diġà jafu bihom?

It-tweġiba uffiċjali kienet li r-riżorsi tal-Forzi Armati kienu qed jiġu ffukati fuq it-tħaris tal-portijiet mill-epidemija  Covid-19. Il-biċċa ‘l kbira tan-nies m’humiex esperti dwar ir-riżorsi tad-difiża ta’ Malta u għaldaqstant jien kellimt espert, li ismu ser jibqa’ anonimu għal raġunijiet professjonali, u staqsejtu kemm tista’ titwemmen ir-raġuni li ġab il-gvern.

It-tweġibiet fid-dettall jidhru hawn isfel.

Fi ftit kliem, ir-raġuni li nġiebet dwar l-epidemija u dwar l-ordni li jingħalqu l-portijiet kienet biss skuża biex lill-immigranti ma joħorġux isalvawhom. Iżda kienet skuża li nbelgħet mill-opinjoni pubblika li nħakmet mill-paranojja u mir-razziżmu.

1. It -TVM ikkwota “sorsi infurmati” li spjegaw li r-riżorsi marittimi tal-Forzi Armati Maltin kienu ffukati fuq operazzojinijet ta’ “rutina” bil-għan li tiġi nfurzata l-ordni li jingħalqu l-portijet b’riżq il-kontroll u l-prevenzjoni tal-epidemija Covid-19. Dan l-argument intuża biex tiġġustifika d-deċiżjoni li ebda lanċa tal-forzi Armati Maltin ma kellha tintuża biex issalva lill-immgranti li kienu fil-periklu tal-għarqa fl-ibħra Maltin. Jidhirlek li din id-deċiżjoni kienet waħda raġjonevoli? 

Il-Forzi Armati ta’ Malta għandhom żewġ kategoriji ewlenin ta’ laneċ. Dawk li jintużaw fil-poritijet u qrib il-kosta Maltija, li minnhom hemm sitta u numru ta’ RHIBS.

Dawn ir-riżorsi huma biżżejjed biex jaqdu dmirijiet addizzjonali fil-portijiet u qrib il-kosta  li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba l-epidemija Covid-19.

Il-Forzi Armati Maltin għandhom ukoll erba’ laneċ oħra li jbaħħru ‘l bogħod mill-kosta li għandhom il-baħħara tagħhom u li jintużaw għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ. 

2. Minn dak li ntqal, taħseb li attentat biex jiġu salvati r-refuġjati li kienu riekbin fuq id-dinghies kien jipperikola s-sigurtà fil-port? 

Kull attentat li seta’ sar biex jiġu salvati l-immigranti li kienu fil-periklu li jegħrqu permezz ta’ dawn l-erba’ laneċ b’ebda mod ma kien jipperikola d-dmirijiet addizzjonali kaġunati mill-epidemija Covid-19.

Għal dawn id-dmirijiet addizzjonali jintużaw kategorija differenti ta’ laneċ. 

3. Min normalment jiddeċiedi għandhiex tintbagħat jew le lanċa tal-Forzi Armati biex Wtagħmel xogħol ta’ salvataġġ? Din tkun deċiżjoni tal-Armata jew waħda politika? 

minħabba l-epidemija Covid-19, deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu mill-ogħla livell tal-armata u tal-gvern.