Il-bieraħ il-prim ministru qal li tort tal-logħob politiku tagħha Repubblika “pparalizzat lill-armata”. Diskors bħal dan ma tantx igħin biex iserraħ l-imħuħ li l-pajjiż għandu armata li għandha l-ħila li tiddefendi lill-poplu mit-terroristi, mit-traffikanti u mill-kriminalità organizzata. Għaliex ġaladraba ċorma ta’ “Nazzjonalisti ndannati ta’ Simon Busuttil” għandhom il-ħila li jżarmaw l-armata tagħna dan kollu għaliex dawn qabbdu erba’ avukati biex jiktbu ittra lill-kummissarju tal-pulizija, ma tantx jidher li l-pajjiż għandu xi difiża nazzjonali bil-bajd, hux hekk?

Jekk din tassew hi l-konklużjoni li wasal għaliha Robert Abela dwar l-istat tal-armata, allura għandu għalxiex ikun imħasseb dwar l-istabilità tal-istat. Għaliex li kieku kellna nieħdu lill-prim ministru bis-serjetà, kulma jeħtieġilna li nagħmlu bix iseħħ kolp ta’ stat hu li niktbu ittra iebsa.

M’għandniex xi ngħidu, dak li lissen il-prim ministru huwa redikolu għall-aħħar. Kull politiku li m’huwiex minn tal-lemin estrem u li għandu kwalitajiet għaqlin ta’ tmexxija bħalissa jmissu qiegħed iserraħ moħħ il-poplu li l-forzi tas-sigurtà għandhom il-ħila kollha meħtieġa li jħarsuh u li ebda ittra minn naħa ta’ dawk il-qlafat ta’ NGOs m’hi ser iġġiegħelhom jaljenaw l-attenzjoni tagħhom minn dmirijiethom.

U kull mexxej tal-affari tiegħu kien ikun mistenni jitkellem b’dan il-mod għax din hi l-verità. Dawk li xogħolhom iwettquh skond il-kuxjenza – kemm jekk ikunu suldati, għalliema, avukati jew ħaddiema li jqiegħdu l-madum – mhux ser jiġu paralizzati dan kollu għaliex il-prim ministru huwa nieqes mill-għaqal fit-tmexxija tiegħu.

Lill-armata, Robert Abela jkejjilha b’xibru u bħalissa moħħu jinsab iberren biss fuq Repubblika.

Il-bieraħ għal darb’oħra reġa’ deher fuq il-televiżjoni tal-partit tiegħu u reġa’ fetaħ attakk fuq Repubblika bħallikieku din tikkonsisti f’xi armata ta’ ribelli li appik ser tinvadi lill-belt kapitali. B’mod mill-aktar melodrammatiku qal li “l-pajjiż m’hu ser jinsa’ qatt dak li għamlet Repubblika”. Mhux f’sens tajjeb tafux, bħal meta Carmel Busuttil kien fetaħ l-iskor f’Ta’ Qali kontra l-Ġermanja tal-Punent jew meta Dom Mintoff kien ivvota kontra l-gvern tiegħu stess f’mozzjoni ta’ sfiduċja msejjħa minn prim ministru Laburista.

Il-prim ministru ħareġ b’theddida meta qal li “l-pajjiż mhux ser jinsa’ dak li għamlet Repubblika (…) meta għażlet li tilgħab logħba politika (fi żmien l-epidemija tal-coronavirus)”. U tkellem b’arja ta’ tpattija, bħallikieku prim ministru jista’ qatt jitkellem b’dan il-mod meta jirreferi għal NGO li kulma għamlet kien li għamlet talba biex titnieda investigazzjoni dwar deċiżjonijiet li ħa hu.

Hi tassew ħasra li bosta huma dawk  – mhux biss segwaċi tal-Labour – li belgħu l-propaganda tal-gvern fis-sens li Repubblika sabet ħtija bil-quddiem f’dawk li talbet li jiġu investigati mill-pulizija. Bosta huma dawk li bosta drabi jinsew li ma jistgħux jagħmluha fatta li dak jkun qed igħid il-gvern tagħhom għandu mis-sewwa.

Meta wieħed jippreżenta rapport lill-pulizija, la jkun qed jieħu l-liġi b’idejh u lanqas iwaħħal il-ħtija. Nieħdu eżempju: ikollok xi tgħid ma’ ġar minħabba l-ħsejjes li jtarrxu ġejjin mid-dar tiegħu. Jekk int tmur u titfagħlu l-bieb tiegħu ġewwa, tkissirlu l-għamara u tarmi kollox barra mit-tieqa, tkun qed tieħu l-liġi b’idejk. Iżda jekk inti ċċempel lill-pulizija, tagħmel rapport u mbagħad tħalli f’idejhom biex iwettqu xogħolhom, tkun qed tagħmel li int suppost għandek tagħmel.

Repubblika għamlet eżatt dan. Mietu 12 il-ruħ u Repubblika talbet lill-pulizija biex tinvestiga dawn l-imwiet, biex tara jekk xi ħadd għandux jerfa’ r-responsabbiltà, biex tiġbor il-provi u biex maġistrat imbagħad jiddeċiedi jeżistix każ li wieħed għandu jwieġeb għalih.

Mietu 12 il-ruħ u allura, iva, dan huwa każ serju. Jekk il-prim ministru tassew jemmen li d-deċiżjoni tiegħu kienet waħda korretta u legali, ma kienx jiftaħ l-attakk li fetaħ fuq Repubblika u kien iserraħ ras il-poplu li għandu kull fiduċja li m’hemm ebda każ li għalih hu u l-armata għandhom iwieġbu.