Fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet pubbliċi, l-gvern ta’ Robert Abela fula maqsuma mal-gvern ta’ Joseph Muscat.

Bħalissa hemm tilwima bejn Repubblika u Edward Zammit Lewis. Tilwima li mhux diffiċli li wieħed isib tarfha.

Iżda lil tal-Kummissjoni ta’ Venezja, Edward Zammit Lewis jeħtieġ jurihom li kkonsulta mas-soċjetà ċivili f’Malta dwar l-emendi proposti għall-kostituzzjoni dwar il-mod kif jinħatru l-imħallfin u l-maġistrati. Huwa tkellem ma’ Repubblika wara li dawn ħaduha bi kbira meta raw li l-gvern u l-oppożizzjoni bejniethom kienu diġà ftiehmu dwar dak li għandu jseħħ.

Lil Edward Zammit Lewis, Repubblika qaltlu li ma jistax imur igħid li għamel il- konsultazzjonijiet ġaladarba abbozz tal-emendi proposti għadu ma xxandarx.  Ħadd ma jaf x’għandu f’moħħu (mid-dehra, ħlief il-PN) u dan mingħalih li għandna naċċettaw l-emendi tiegħu bil-għama.

Mhux hekk tgħid.

Meta jkun hemm min igħidlek biex tiffirma kuntratt u biex ma tindenjax ruħek taqra’ dak li jkun hemm miktub qabel tiffirma, dan x’aktarx ikun ifisser li hemm xi bużillis.

U għaldaqstant kien jeħtieġ li tinxtegħel il-makna tal-propaganda tal-Labour u dlonk t-trolls ingħataw l-ordni biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom lil Edward Zammit Lewis fil-ġlieda tiegħu sabiex it-tibdiliet proposti fil-kostituzzjoni jżommhom misturin sakemm ikun tard wisq biex dawn jinbidlu. U balleċ dawn ħarġu bi ħġarhom bl-għexieren tagħhom biex jagħmlu tabirruħhom li tant huma interessati dwar il-kwistjoni li kienu ispirati bierx jerħulha lejn il-Facebook bil-kitba tagħhom.

Iżda, bħas-soltu, dawn ma jagħmlu xejn sew u bħall-pappagalli lkoll ħarġu b’kitba identika li kixfithom.