Minkejja l-isforzi li saru biex jiġu mistura l-isem, l-identità u l-istorja tal-vapur li għabba lill-immigranti li ġew salvati  fl-ibħra Maltin fi żmien il-Għid, mill-internet irriżultaw stejjer interessanti dwar dan il-vapur.

Huwa mifhum li l-vapur in kwistjoni jġib l-isem Mae Yemanja. Kelliem għall-UNHCR qalli li l-aġenzija mhix ċerta għal kollox li l-vapur li kien għabba l-passiġġieri huwa fil-fatt il-Mae Yemanja. “Jeżistu differenzi strutturali bejn iż-żewġ qxur tal-baħar. U dawn setgħu kienu r-riżultat ta’ tibdiliet li twettqu fuq il-vapur minn dakinhar li nġibdu r-ritratti tal-Mae Yemanja”.

Ta’ min isemmi li l-vapur li daħal fil-port ta’ Tripli “kien qed itajjar il-bandiera Maltija u wħud mill-baħrin tiegħu huma mill-Eġittu”.

Esperti li għamlu spezzjonijiet tar-ritratti li nġibdu tal-vapur li daħal fil-port ta’ Tripli aktar kmieni din il-ġimgħa qaluli li dan il-vapur huwa l-Mae Yemanja. Dan il-fatt iqanqal diversi mistoqsijiet ġodda.

Il-vapur Mae Yemenja ilu jbaħħar għal madwar 50 sena. Kif ġie rappurtat permezz ta’ din il-kitba, sal-2019 il-vapur kien ibaħħar taħt il-bandiera Maltija u sidu kien Charles Grech, baħħar Maltese li għandu esperjenza fit-tbaħħir bejn Malta u l-Libja.

M’huwiex ċar min hu sid il-vapur bħalissa, iżda jidher li hu reġistrat taħt il-bandiera tal-Libja. Il-website tal- MarineTraffic jikklassifika lil dan il-vapur bħala vapur tas-sajd.

Jekk dan huwa minnu, jista’ jkun li l-vapur li għabba lill-immigranti mill-ibħra Maltin m’huwiex xi vapur tas-sajd proprjetà ta’ persuni privati.

Jista’ jkun li hu vapur użat mill-awtoritjiet biex jagħmel l-għassa u jinforza l-liġijiet dwar is-sajd lil hinn mill-ibħra territorjali. U peress li jtajjar il-bandiera tal-Libja, dawn l-awtoritajiet ma jistax ikunu ħlief l-awtoritajiet tal-Libja. Il-kliem Fishery Patrol Vessel” teknikament ifissru “vapur li jagħmel għassa f’żoni ta’ sajd li jkunu barra mill-ibħra territorjali”.

Il-kliem użat mill-MarineTraffic jagħti ħjiel li l-immigranti li din il-ġimgħa tkaxkru lura lejn il-Libja setgħu nġabru minn qoxra tal-baħar li s-sidien tagħha huma l-awtoritajiet tal-Libja.

Ta’ min isemmi wkoll li qabel twettqet il-missjoni ta’ “salvataġġ”, dan il-vapur kien irmiġġjat fl-inħawi tal-Marsa fil-Port il-Kbir ta’ Malta.

Kif ktibt il-bieraħ, tat-TVM ikkwotaw “sorsi infurmati” li qalu li l-vapuri involuti fl-azzjoni ta’ “salvataġġ” kienu dgħajjes privati li tqabbdu għal dan ix-xogħol mill-gvern ta’ Malta. Ma ngħatawx aktar dettalji dwar x’kwalità ta’ dgħajjes kienu dawn, min huma s-sidien tagħhom u x’arranġamenti saru.

L-informazzjoni li ngħatat mill-gvern u mill-armata tista’ tgħid li ma teżistix għaliex dawn kulma għamlu kien li pprovdew ħjiel selettiv ħafna imsejsin fuq nofs veritajiet mitmugħin lill-mezzi tax-xandir tal-istat u tal-partit, li minn naħa tagħhom ma talbu ebda kjarifika.

Ta’ min isemmi wkoll li ħadd ma jaf x’kienet ir-raġuni l-għala l-awtoritajiet Maltin iddeċidew li ma jagħmlux użu mill-vapuri tal-armata Maltija biex iwettqu s-salvataġġ u minflok qabbdu lill-Mae Yemanja għal dan ix-xogħol.

Nistaqsi: saret xi investigazzjoni biex l-identità ta’ sid dan il-vapur tkun magħrufa?

Dan il-vapur hu proprjetà tal-gvern Libjan?

Jekk dan huwa l-każ, il-gvern ftiehem mal-awtoritajiet Libjani biex titwettaq operazzjoni fl-ibħra Maltin biex jitkaxkru lejn il-Libja immigranti li kienu fiż-żona li għaliha Malta hi responsabbli?

Jaqaw dan kien li seħħ f’dan il-każ?

It-tweġibiet għad insiru nafuhom mir-riżultat tal-inkjesta.