Photo: Arezo Malakooti

Kif diġà ġie rappurtat aktar kmieni llum, l-immigranti involuti fid-diżastru li seħħ fi żmien il-Għid meta huwa mifhum li 12 il-ruħ għerqu fil-baħar kienu telqu mil-Libja lejliet il-Ġimgħa l-Kbira wara li kienu ilhom jistennew għal madwar tlitt ijiem fuq ix-xtajta miżmumim mit-traffikanti mingħajr ikel u ilma.

Wara tlitt ijiem fuq ix-xtajta bil-ġuħ u bil-għatx, l-immigranti għamlu madwar sebat ijiem oħra fuq il-baħar sa dakinhar li dawk li baqgħu ħajjin fosthom reġgħu tkaxkru lura lejn Tripli.

Dawn ittieħdu lejn Tripli b’vapur li, skond is-“sorsi infurmati” ta’ TVM, kien tqabbad mill-gvern ta’ Malta għal dan il-għan.

Il-kundizzjoni fiżika tal-immgranti hekk kif waslu Tripli kienet waħda serja ħafna. Kelliem tal-UNHCR qalli li “l-immigranti ingħataw xi ftit ikel u ilma abbord il-vapur tas-sajd, għalkemm dan seta’ ma kienx biżżejjed biex jieħdu r-ruħ. Hekk kif waslu Tripli, l-immigranti fuq il-vapur kienu mejtin bil-għatx u bil-ġuħ u dehru trawmatizzati”.

Parti minn din it-trawma kienet riżultat tal-fatt li ntebħu li l-isforzi tagħhom biex jitilqu mil-Libja ma kienu swew għal xejn.

Skont rapport miktub minn Nello Scavo ta’ L’Avvenire, wieħed mill-immigranti kkonferma li kienu ttieħdu lejn il-ħabs Tarik Al Sikka, ħabs li – skont in-Nazzjonijiet Uniti – huwa magħruf għall-kundizzjonijiet inumani tiegħu.

Mara li tkellmet ma’ wieħed mill-priġunieri fil-ħabs Sikka irnexxielha tittrasmetti intervista minn barra l-ħabs stess. Din qalet li kienet ittieħdet lejn il-ħabs Tarik al Sikka wara li kienet diġà ilha hemm għal 3 snin qabel ħarbet. Hekk kif twasslet fil-ħabs, tqiegħdet ma’ 6 nisa oħra f’kamra mgħammra apposta għal dawk li jkunu ppruvaw jaħarbu.

2018 photo from within Tarik al Sikka detention centre

“Kellna disprament kbir fuqna. U din kienet ir-raġuni għaliex ippruvajna naqsmu bil-baħar. Iżda kien kollu għalxejn. Reġgħu bgħatuna lura lejn il-Libja mingħajr ma qalulna xejn. Issa rġajna ninsabu fil-Libja u fil-ħabs Sikka. Erġajna mingħajr tama u ma nafux fejn ser nagħtu rasna. 

“Ikun bla skop jekk nerġgħu nippruvaw naqsmu bikl-baħar għaliex għamilna sebat ijiem bla ikel u bla ilma u kien kollu ta’ xejn. Griżmejna tant kienu nixfin li ma kellniex għażla ħlief li nixorbu l-ilma baħar.

“B’kollox konna 8 nisa flimkien, nirtogħdu u wħud minna b’uġiegħ kbir fuqna. Sitta minna kienu mill-Eritreja, u waħda minnhom hi omm b’daqxejn ta’ tifla magħha. Naħseb li t-tnejn l-oħra kienu mis-Sudan t’isfel u waħda minnhom kellha magħha tarbija żgħira.

“Mentalment ninsabu lkoll fi stat ħażin. Qed nirtgħodu. Rajna lill-ħbieb tagħna jmutu taħt għajnejna. Dawn mietu bil-ġuħ u bid-disprament li kellhom fuqhom. L-istess nistgħu ngħidu għal dawk li jinsabu maqbudin hawnhekk. Kien diffiċli għalina l-fatt li reġgħu kaxkruna lejn il-Libja. Aħna tlaqna mil-Libja għaliex għalina ma kien hemm ebda tama f’dak il-pajjiż. U issa erġajna qiegħdin hawn.

“Nitlobkom bil-ħniena biex tgħinuna nitilqu mil-Libja biex immorru x’imkien fejn nistgħu insibu l-kenn u l-paċi. 

“Għamilna sebat ijiem fuq il-baħar. iżda nfakkar li stennejna fuq ix-xtajta biex ninġabru għal tlitt ijiem sħaħ fejn ħallewna bil-ġuħ. Tlifna kull tama meta l-ħelikopters li tara fuqna ma tawna ebda għajnuna. Il-makna tad-dgħajjsa spiċċalha l-petrol u konna qed nitkaxkru mal-mewġ.  

“Kien hawn li qtajna qalbna. Konna bil-ġuħ, bil-għatx u lanqas kellna l-ħila li nitkellmu. Din hi r-raġuni li mietu sħabna. Issa lanqas biss għandna r-rieda li nieklu. 

“Jekk jogħġobkom. Għinuna.”