M’hemmx dubju li Robert Abela jrid li tgħaddi tiegħu. Minkejja ll-fatt li l-Kummissjoni ta’ Venezja interveniet u talbet li ssir riforma, se jkun hu li ser jagħżel lill-kummissarju tal-pulizija li jmiss u se jżommu taħt probation għal sena, li jfisser li f’għeluq is-sena jkun jista’ jkeċċieħ mingħajr ma jkun fid-dmir li jagħti spjegazzjoni lil ħadd.
Issa jidher li, aktar milli jkompli jipprova jintimida lil Repubblika, irid jikkundizzjona l-proċess li jinsab għaddej biex issir din il-ħatra. Bħalissa bosta huma dawk li jeħtieġ li jieħdu d-deċiżjonijiet.
Dawk ix-xhieda li raw b’għajnejhom dak li kien seħħ tassew jew li kienu preżenti meta ttieħdu ċerti deċiżjonijiet u meta ngħataw ċerti ordnijiet, jeħtieġ li jiddeċiedu humiex ser jikxfu dak li jafu. Uffiċjali tal-pulizija jeħtieġ li jiddeċiedu x’ser jagħmlu b’dak li rriżultalhom. Avukati jeħtieġ li jiddeċiedu jekk humiex ser jiddefendu lil dawk li kienu fil-mira tal-kritika bħalma kienu l-NGOs u l-immigranti. L-istampa jeħtieġ tiddeċiedi hix bi ħsiebħa tistaqsi mistoqsijiet kritiċi. Il-maġistrat jeħtieġ li jiddeċiedi liema provi għandhom jitwarrbu, liema mistoqsijiet m’għandhomx isiru u li jgħarbel dak li jingħatalu. U l-prosekutur jkun jeħtieġ li jiddeċiedi huwiex ser imexxi kriminalment.
Jekk tittieħed deċiżjoni li għandu jkun hemm proċess kriminali, jkun jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet oħra mill-prosekutur, mix-xhieda, mill-ġurati, mill-imħallfin, eċċetra.
Bil-pressjoni li qed jagħmel, Robert Abela mhux qed jipprova jinfluwenza l-imġieba ta’ Repubblika. Issa li r-rapport ġie preżentat, il-kwistjoni m’għadhiex f’idejn Repubblika. Li qed jipprova jagħmel Robert Abela hu li jinfluwenza l-istadju li jmiss.
Wieħed jeħtieġ li jiftakar li l-armata u l-gvern kienu rrifjutaw li jagħtu spjegazzjoni jew li jagħtu l-verżjoni uffiċjali tagħhom dwar dak li tassew kien seħħ fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid u dan minkejja x-xiljiet u l-akkużi kollha li saru saħansitra fin-New York Times u f’The Guardian. Iżda meta l-kummissarju tal-pulizija talab lill-maġistrat tal-għassa biex iniedi nkjesta, it-ton tal-armata u tal-gvern inbidel u l-prim ministru fl-aħħar skopra lsienu. U dlonk tfaċċaw l-hekk imsejjħa “sorsi infurmati” li bdew iwasslu lill-mezzi tax-xandir kontrollati mill-gvern ruxxmata nofs veritajiet bil-għan li jimmanipulaw lill-imħuħ.
Dan m’għamluħx biex jippruvaw jipperswadu lill-opinjoni pubblika. Għaliex l-opinjoni pubblika kienet tal-istess fehma tagħhom mill-bidu nett. Kienu forsi jieħdu riskju li kieku daħħlu lill-immigranti fil-port wara li stqarrew li dan ma kienux ser jagħmluh u fid-dagħdiha li ħolqu fl-imħuħ, dawk fost il-poplu li kienu ġenwinament mħassbin għal dawk it-12 il-persuna suwed li għerqu spiċċaw biex ġew ittimbrati bħala “estremisti”.
Dak li nkixef s’issa dwar il-mewt ta’ 12 il-ruħ huwa għall-benefiċċju tax-xhieda, tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-avukati, tal-maġistrat u tal-prosekutur. U dawn ser ikollhom jagħżlu bejn dak li hu mis-sewwa jew inkella li “pajjiżna m’hu ser jinsa’ qatt” id-daqqa ta’ stallett li jkunu taw fuq dahar dan in-“nazzjon magħqud”.
L-iktar investigazzjoni li ssir f’ħakka t’għajn hi dik li tikkonkludi li seħħ suwiċidju u f’dan il-każ ħadd ħlief il-vittma ma jkollu t-tort. U, m’għandniex xi ngħidu, “il-pajjiż mhux ser jinsa’” lil min jistqarr li jeħtieġ tiġi nvestigata spjegazzjoni alternattiva qabel din tiġi mwarrba.