Il-bieraħ filgħaxija il-vapur li għandu sid Malti iżda li jtajjar il-bandiera tal-Libja Mae Yemanja telaq mill-Port il-Kbir ta’ Malta bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin li ajruplan Malti tar fuq il-post fejn kien jinsab dinghy mgħobbi b’madwar 60 immigrant fl-ibħra Maltin.

Dalgħodu l-NGO Alarm Phone ġibdet l-attenzjoni dwar din id-dinghy u qalet li l-control room tal-Forzi Armati ta’ Malta ma kienux qed iwieġbu t-telefon hekk kif tal-Alarm Phone ippruvaw igħaddulhom informazzjoni dwar il-pożizzjoni eżatta fil-baħar tad-dinghy.

Madankollu mis-sorveljanza tat-traffiku tal-ajru li saret mill-ġurnalista speċjalizzat Sergio Scandura irriżulta li tal-Forzi Armati ta’ Malta x’aktarx diġà kienu jafu b’din id-dinghy għaliex kien ajruplan tagħhom stess li kien lemaħ din il-qoxra tal-baħar tard wara nofsinhar.

Madwar l-istess ħin li saru dawn it-titjiriet, il-vapur Mae Yemanja salpa ‘l barra mill-Port il-Kbir fid-direzzjoni tad-dinghy fin-nofsinhar ta’ Malta.

Diġà huwa stramb il-fatt li l-vapur Mae Yemanja kien ankrat fil-Port il-Kbir. Nhar il-Ħamis 16 ta’ April, dan il-vapur kien jinsab fi Tripli iniżżel l-art numru ta’ immigranti li kienu baqgħu ħajjin u li kienu nġabru il-lejl ta’ qabel.

Wara li ġabar l-immigranti, l-vapur dar lejn it-tramuntana u għamel xi żmien nofs triq bejn Malta u l-Libja.

Il-bieraħ tfaċċa fil-Port il-Kbir u rabat il-Marsa qrib il-power station l-antika.

Il-Port ta’ Malta ġie dikjarat bħala port li huwa nieqes mis-sigurtà u ma saru eċċezzjonijiet għal ħadd minn dakinhar li dan il-vapur kien fi Tripli. Kif sab ruħu fil-Port il-Kbir il-vapur Mae Yemanja? Min ta l-permess biex vapur li jtajjar bandiera tal-Libja jidħol f’port li huwa nieqes mis-sigurtà? U għaliex ingħata l-permess?

U l-baħħara tal-vapur fejn għamluha l-kworantina? M’hemmx dubju li ilu inqas minn 14 il-ġurnata li l-vapur daħal fil-port.

Il-bieraħ għal ħabta tas-7 ta’ filgħaxija, il-vapur Mae Yemanja intlemaħ isalpa ‘l barra mill-port fid-direzzjoni tan-nofsinhar ta’ Malta.

L-awtoritajiet Maltin għandhom kull dritt li jibgħatu qxur tal-baħar (anki dawk li għandhom sidien privati) biex jassistu fis-salvataġġ fl-ibħra Maltin. Jekk il-vapur Mae Yemenja jinsab fi triqtu biex jagħti l-assistenza lil dawk li jinsabu riekbin fuq id-dinghy, m’hemm assolutament xejn ħażin f’dan.

Madankollu ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-ġimgħa li għaddiet , il-vapur Mae Yemanja kien dak li reġġa’ lura lill-immigranti salvati mill-ibħra Maltin.

Dan il-vapur huwa s-suġġett ta’ allegazzjonijiet serji ħafna li xi ħadd riekeb fuqu tefa’ l-location transponder (li supopost għandu jinżamm mixgħul) biex jassisti fi treġġija lura llegali bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta’ dawk li kienu riekbin fuq id-dinghy.

Dawn l-allegazzjonijiet qed jiġu mgħarbla mill-inkjesta kriminali li tinsab għaddejja. U minkejja dan, ma jidhirx li l-vapur u l-apparat ta’ fuqu nżammu biex iservu ta’ provi bħala parti mill-investigazzjoni.

Karrozza li tkun intużat f’serqa ta’ bank, ma titħalliex tibqa’ tintuża fit-triq mill-Pulizija.

Il-Maġistrat inkwirenti ġie nfurmat li l-iktar prova importanti għall-invetigazzjoni tiegħu kienet litteralment taħt imnieħru fil-port ftit metri ‘l bogħod mill-bini tal-Qorti? Il-Pulizija kienu infurmaw lill-Maġistrat li l-vapur kien qed ilesti biex isalpa ‘l barra mill-port biex jerġa’ jagħmel dak li kien għamel fil-jiem ta’ qabel?