Il-Malta Independent tal-bieraħ laqtet il-musmar fuq rasu meta, bi prominenza, ntitolat artiklu ewlieni tagħha bil-kliem li ġej: “The knives are out: How police chief appointment risks turning into a farce.”
Il-proċess tal-għażla jidher li ma tantx qed jispira fiduċja. U, b’mod urġenti, dan il-pajjiż jeħtieġ dipartiment tal-pulizija mtejjeb u b’saħħtu. Edward Zammit Lewis mingħalih li, għaliex ikun bgħat xi ittri miktubin ħażin u għaliex ikun ippropona liġijiet nofs kedda, r-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja ser jirranġaha. L-istess mingħalih Robert Abela kull darba li jaqfel lill-immigranti fuq vapuri tat-turisti barra mill-ibħra Maltin minflok iħallihom jegħrqu.
Il-verità hi li Malta tista’ tibda’ ssewwi r-reputazzjoni tagħha f’għajnejn id-dinja kemm il-darba jittieħdu passi kriminali bis-serjetà kontra dawk li ġabuna f’din is-sitwazzjoni minħabba d-delitti kriminali li wettqu snin u xhur ilu u meta dawn jieħdu dak li ħaqqhom skont il-ġustizzja.
U peress li Keith Schembri ċertament m’huwiex ser jarresta lilu nnifsu, l-pajjiż ser ikun jeħtieġ membri tal-korp tal-pulizija li għandhom l-inklinazzjoni li jagħmlu dak li hu sewwa. Ftit huma dawk li għandhom xi tama.
Biex id-dipartiment tal-pulizija jkun f’pożizzjoni li jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, jeħtieġ li jkun organizzat huwa stess. Jeħtieġ li fid-dipartiment ikun hemm il-koeżjoni, sens ta’ lejaltà u ta’ kburija fix-xogħol u sens ta’ missjoni. Fil-preżent, il-korp tal-pulizija jinsab ‘il bogħod ħafna milli jilħaq dawn l-iskopijiet.
Bħalissa tinsab għaddejja gwerra ċivili fi ħdan il-korp tal-pulizija. Hemm pulizija tat-traffiku li kienu ġew sospiżi u li ġew mixlija talli għamlu dikjarazzjonijiet foloz dwar sahra, xilja li ma jidhirx li qed jiċħduha. Dan ma jfissirx li ser jaċċettaw kollox b’rashom baxxuta għaliex issa qed jagħmlu akkużi fil-konfront ta’ dawk li kienu xlewhom. Mod ta’ difiża li kien jiddiletta ħafna biha Joseph Muscat.
Fi tmiem il-ġimgħa, tfaċċat akkuża kontra uffiċjali anzjani fis-sens li dawn kienu segwew il-kors tal-liġi fl-Università waqt il-ħin tax-xogħol. Skont waħda minn dawk li kienet segwiet il-kors tal-liġi taħt skema provduta – Mary Muscat, avukat u kandidat għall-kariga ta’ kummissarju tal-pulizija – din hi politika li kienet tfasslet mid-dipartiment 18 il-sena ilu. Għaldaqstant hi qalet li ħadd ma jista’ jixliha li skartat mix-xogħol ġaladarba kien l-imgħallem tagħha stess li kien taha l-permess biex issegwi l-kors li tinsab mixlija li segwiet.
Mary Muscat jista’ għandha jew jista’ m’għandhiex raġun tallega li x-xilja ta’ “skartar mix-xogħol” saret biex tagħmel ħsara lill-kandidatura tagħha. U, bl-istess mod, dawn ix-xiljiet reċiproċi jistgħu faċilment isiru wkoll fil-konfront ta’ dawk kollha li segwew il-kors tal-liġi kemm ilha li tfasslet politika li ppermettitilhom isegwu l-kors waqt il-ħin tax-xogħol.
Hekk kif l-uffiċjali tal-pulizija sospiżi jinsabu f’paniku huma u jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jiskansaw il-konsegwenzi ta’ għemilhom, l-imġieba tagħhom tista’ twassal ukoll biex dawk li xlewhom jispiċċaw jikluha wkoll. U jistgħu wkoll jikkaġunaw ħsarat oħrajn. Il-bieraħ The Malta Independent stqarr li jinsab imħasseb b’akkużi li jidher li huma bla bażi u li tfaċċaw fil-konfront ta’ xi kandidati li ser jikkompetu biex jinħatru kummissarju tal-pulizija.
Il-verità hi li l-ħsara tista’ wkoll tinfirex lil hinn mid-dipartment tal-pulizja. Ittri anonimi, xniegħat u dak li, skont il-kejl ta’ One News, igħodd bħala ġurnaliżmu lkoll qed ifittxu li jivvintaw xi forma ta’ relazzjoni li teżisti bejn uffiċjali tal-pulizija u dawk li suppost ibbenefikaw minn pjaċiri.
Hemm bosta persuni li jistgħu japprofittaw minn dan it-taħwid kollu.
Ikkunsidraw kif l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla għadu sal-lum igawdi mill-istess impunità li jgawdu Keith Schembri u oħrajn. Peress li dan m’huwiex f’pożizzjoni li jiċħad xniegħa bħal din, m’hemmx dubju li jgawdi meta jintefa’ l-ħmieġ fil-konfront ta’ uffiċjali oħra tal-pulizija. Għaliex, wara kollox, jekk ilkoll ikunu miksijin bil-ħmieġ, ħadd minnhom ma jkun jista’ jagħti fil-għajn.
Jeħtieġ dejjem li niftakru minn fejn bdejna: dipartiment tal-pulizija mmexxi minn Lawrence Cutajar li kien ħa sehem f’laqgħat sigrieti ma’ sieħeb is-sensar dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; d-deputat tiegħu, Silvio Valletta, kien siefer u kien ħobża u sikkina ma’ Yorgen Fenech, il-bniedem li jinsab mixli li kien il-moħħ wara l-qtil.
Dawn it-tnejn issa telqu, iżda Ian Abdilla hemm għadu. Quddiem l-inkjesta li qed tinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm diversi xhieda li kkonfermaw li dokumenti dwar każijiet kontra politiċi involuti f’delitti kriminali baqgħu jrabbu t-trab fuq l-iskrivanija tiegħu. U dan it-trab għadu jinġema’ sal-lum.
Il-korp tal-pulizija jinsab fi stat demoralizzat. Tul dawn l-aħħar snin, kull min mexxa l-korp ta eżempju mill-agħar kull darba li żamm mal-kriminali kontra t-twettiq tal-ġustizzja minflok għamel bil-maqlub. U għaldaqstant, ġaladarba l-impunità baqgħet tirrenja minkejja l-korruzzjoni, dawn l-uffiċjali tal-pulizija jħossu li ħadd m’għandu jaqbad magħhom fuq nuqqasijiet fil-ħlas tas-sahra. Qed igħidu: “Tiegħi qed tara?” Dawn qed iħossu li ta’ fuqhom qed jaqbdu magħhom meta min qed jakkużahom għandu ħafna aktar x’ixomm taħt abtu.
Il-korp tal-pulizija jinsab immexxi minn dawk li għalihom il-partit jiġi qabel is-servizz pubbliku. Dan huwa tibaliżmu li qed jagħmel ħsara kbira lid-dipartiment u li ħoloq sfiduċja reċiproka u suspetti. Sitwazzjoni li neħħiet l-għamad minn quddiem għajnejn il-Ġustizzja, li suppost m’għandha tħares lejn wiċċ ħadd.
Issa wasalna għall-estremità li fiha jekk wieħed ma jkunx membru ta’ waħda miż-żewġ tribujiet, jista’ jsib ruħu fil-periklu li jlaqqatha mingħand iż-żewġ naħat.
Diġà huwa biżżejjed li wieħed mill-kandidati biex jinħatar kummissarju qed iwieġeb għal akkużi ta’ swat fil-konfront ta’ mara. Il-pretensjoni ta’ Mario Tonna fis-sens li l-feriti li kkawża lill-vittma tiegħu m’għandhomx jgħarrqu l-prospetti tiegħu li jsir Kummissarju tal-Pulizija m’hi xejn ħlief riflessjoni tal-karattru li għandu dan il-bniedem. Ma niskanta xejn li bniedem li jippretendi li għandu kull dritt li jsawwat mara jaħseb ukoll li għandu d-dritt li jsir Kummissarju. Il-wiċċ tost tiegħu tefa’ dell ikraħ fuq il-proċess kollu.
Forsi xi ħadd bħal Angelo Gafà jaqbillu li jkollu lil Mario Tonna jtellaq miegħu. In-nies x’aktarx tkun aktar imħassba b’każ ta’ swat fuq mara milli fuq il-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet ta’ prosekuzzjoni fqira ta’ persuna li suppost huwa kellu jfittex li jsibha ħatja iżda li mbagħad spiċċa bħala mistieden f’festin li sar fid-dar tagħha. Angelo Gafà jista’ jagħmel spjegazzjonijiet kemm irid – bħal dik li huwa ta lil Lovin Malta – waqt li l-attenzjoni tan-nies tinsab iffukata fuq is-swat fuq mara. F’ċirkostanzi bħal dawn kollox jibda’ jgħaddi, saħansitra anki l-attendenza f’festini li b’mod inspjegabbli ħelset lil xi ħadd minn kundanna.
Pajjiżna jeħtieġ Kummissarju tal-Pulizija li jkollu l-ħila li jispira korp sħiħ, li jixprunaħ biex jiġġieled b’serjetà kontra l-kriminalità organizzata, li japplika l-liġijiet biex isib tarf il-korruzzjoni u li jeqred l-impunità li ċerti kriminali politiċi għadhom igawdu sal-lum.
X’inhuma l-prospetti? L-ewwel jeħtieġ li nifhmu l-proċess. Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li l-membri tagħha ilkoll inħatru minn Robert Abela, ser tfassal lista ta’ kandidati. U se jkun Robert Abela li jagħmel l-għażla aħħarija. U jekk, matul it-12 il-xahar li ġejjin, Robert Abela jerġa’ jibdielu dwar l-għażla li jkun għamel, għandu d-dritt li jikkanċella l-proċess kollu u li jibda’ kollox mill-ġdid. Għalhekk min huwa l-klijent? Bla dubju Robert Abela.
X’inhuma l-prospetti li l-magħżul ta’ Robert Abela jieħu l-passi li jistgħu joħolqulu problemi politiċi? Tgħid l-arrest ta’ Joseph Muscat jew ta’ xi ħaddieħor li għal tant snin ingħata l-kenn minn Joseph Muscat għad ikun problem politika? Tridx tmur!
Din m’hi xejn ħlief farsa traġika.