Eh, xi pjaċir! Mela issa nistgħu nibdew immorru nieklu fir-ristoranti. Jien diġà pprenotajt mejda għal nhar il-Ġimgħa filgħaxija u għandi seba’ mitt sena biex jerġa’ jkolli lil min iferrali l-inbid, anki jekk dan ikun liebes bluża bħallikieku mħejji biex jopera fuqi.
Il-bieraħ Robert Abela għamel mad-90 minuta jitkellem dwar is-“suċċess” tiegħu. Tant irrepetiha din il-kelma li kien qisu wieħed minn dawk li jorganizzaw il-marċi tal-festa fir-raħal fejn ngħix li għandhom il-ħabta li jirringazzjaw lill-Madonna talli tkun għenithom fil-ħruq tan-nar u fid-daqq tal-innu marċ. Għaliex, bħal dak li qallu, din is-sena l-Madonna hi aktar moħħha biex tara li l-marċ tal-Ġilju jkun isbaħ u akbar minn dak tal-marċ ta’ Lourdes.
U issa, f’nofs il-kriżi li ġabet magħha l-imxijja tal-coronavirus, għandna wkoll lil Robert Abela jaħraq l-inċens fuq altar quddiem xbieha tiegħu stess. Il-ftaħir bla tarf li ftaħar m’huwa xejn ħlief sintomu ta’ nuqqas ta’ fiduċja patoloġika fih innnifsu.
Għal darb’oħra, kif għamilt il-bieraħ, mhux ser noqgħod nikkritika lill-gvern talli r-restrizzjonijiet tal-imxijja Covid-19 naqqashom bil-għaġġla jew bil-mod wisq. Jien m’għandix f’idejja l-informazzjoni u r-riżorsi li għandu l-gvern u lanqas għandi nies tal-lant jagħtuni l-pariri. Issa jkollna nistennew u naraw id-deċiżjonijiet li ħa l-gvern kienux f’waqthom jew le.
U issa nistennew ukoll biex naraw ir-reazzjoni tal-gvern x’ser tkun. Il-bieraħ Robert Abela rrepeta għal darba darbtejn li d-deċiżjonijiet li qed jieħu huma msejsa fuq is-sens komun u mhux fuq il-biża’. Ċertament kull politika għandha titfassal b’dan il-mod.
Huwa tkellem b’mod dispreġġjattiv fil-konfront ta’ ċerti miżuri restrittivi li ttieħdu bil-liġi u xi drabi anki gideb dwar restrizzjonijiet li mhux veru jeżistu. Kien hemm mument li fih saħansitra anki ċaħad li l-gvern kien talab lill-anzjani jżommu ‘l bogħod minn ħwienet li jbiegħu ħwejjeġ li m’humiex essenzjali u ta wieħed x’jifhem li ħaġa bħal din kienet ġennata. Robert Abela jew ġie nfurmat ħażin jew inkella ipprova jgħaddi biż-żmien lil Chris Fearne u lil Charmaine Gauci li kienu ma ġenbu.
Meta wieħed igħid li d-deċiżjonijiet li jkun ħa huma msejsa fuq is-sens komun, wieħed ikun irid ifisser ukoll li kull deċiżjoni differenti li tittieħed ma tkunx imsejsa fuq is-sens komun.
Għaldaqstant Abela qed iwassal il-messaġġ li jagħmel is-sens li wieħed imur jiekol f’ristorant b’seħħ minn nhar il-Ġimgħa għaliex ir-ristoranti ser jakkomodaw inqas nies u jżommu lill-klienti ‘l bogħod minn xulxin. Allura, ngħid jien, il-ġenituri tiegħi għaliex ser ikunu jistgħu jmorru l-knisja biss biex jattendu għal xi funeral? Għaliex m’għandux ukoll ikollna knejjes li jakkomodaw inqas nies, knejjes armati bil-hand sanitisers u b’regolamenti speċifiċi għal dawk li jagħżlu li jitqarbnu?
Il-għala qed issir din id-distinzjoni kollha bejn attendenza f’ristorant u attendenza fi knisja? Għaliex fir-ristoranti issa hemm sigurtà biżżejjed biex dawn iservu l-ikel, iżda fil-portijiet tagħna m’hemmx sigurtà biżżejjed biex operazzjoni ta’ salvataġġ tiġi fi tmiemha wara kważi xahar?
X’inhi r-raġuni li l-vapuri tal-Captain Morgan qed jinżammu ‘l barra mill-ibħra Maltin? L-immigranti għaliex m’humiex jitħallew jitilgħu l-art? Jaqaw il-kworantina tagħhom ta’ 14 il-jum m’hix biżżejjed?
Id-distinzjonijiet – meta dawn ikun jeħtieġ li jsiru – għandhom dejjem ikunu msejsin fuq is-sens komun. Jekk dawn qed jitħallew imdendlin bejn sema u ilma għaliex inzerta li dawn għandhom ġilda skura – nafu li din hi l-vera raġuni – skuża bħal din m’hix waħda msejsa fuq is-sens komun iżda msejsa biss fuq il-biża’. Biża’ li Robert Abela stess kien kebbes u li dwarha tgħidx kemm dam jiftaħar. U min ibeżża’ b’nies li għandhom ġilda skura jissejjaħ razzist.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan l-artiklu li xandar illum The Guardian li huwa prova oħra tar-razziżmu spjetat li qed ikebbes il-gvern bl-iskuża li jrid iħarisna mill-imxijja tal-coronavirus. Kwotazzjoni ta’ dak li ntqal minn xhud tpinġi r-realtà tas-sitwazzjoni. Il-gvern Malti bgħat in-nies tiegħu biex “jieħdu ħsieb” lil dawn l-immigranti. “Kienu qed iħarsu lejna bħallikieku m’aħniex bnedmin bħalhom”.
Dawn il-kliem huma xhieda ħajja tar-razziżmu istituzzjonalizzat li qed iseħħ fil-konfront ta’ dawn l-immigranti.
Fil-frattemp, 167 immigrant ieħor qed jinżammu illegalment u b’mod immorali bejn sema u ilma.
Ma fadalx skużi x’jinġiebu u dawn għandhom jitħallew jitilgħu l-art.