Robert Abela qed jitgerbeb f’ilsienu. U issa li hu l-prim ministru, ftit huma dawk li qed jittantaw iwaqqfuh milli jibqa’ jtaqtaq. Kull darba li jiġi mħabbar li bi ħsiebu jindirizza lin-nazzjon, in-nies tibda’ tgorr minn taħt l-ilsien. U qabel jixgħalu sett tat-televiżjoni, n-nies tistenna’ 7 minuti mill-ħin li fih suppost għandu jibda’ jitħaddet għaliex issa saret moda li jibda’ tard. U mbagħad għandhom jiżdiedu 20 minuta oħra biex in-nies tiżgura li ma tibdiex tongħos u titlef is-sugu kollu tad-diskors.
Jien u nsegwi l-konferenza stampa tal-bieraħ, innutajt li diskorsu kien nieqes ħafna mid-dettall. U ma jidhirx li ppermetta lill-ministru tas-saħħa u lis-Supretendent dwar is-saħħa li jipprovdu dawn id-dettalji. Dawn iż-żewġ akkolti dehru aktar mitlufin wara l-kliem bħal “suċċess”, “flimkien”, “ingawdu”, “kburi”, “sabiħ”, “għaqal” u diskors ieħor bħal dan li ma kienx ikun barra minn loku li kieku ngħad f’xi każin tal-banda.
Il-bieraħ fil-Facebook ixxandar djalogu fittizju bejn Robert Abela u s-sinjura tiegħu:
F’dan id-djalogu fittizju is-Sinjura Abela ssammar il-musmar fuq rasu. Żewġha jlissen ħafna diskors ħelu u għas-sugu ma jasal qatt. Il-bieraħ in-nies kienet ħerqana biex issir taf ċerti fatti. Iżda minflok fatti, in-nies semgħet biss ftaħir u ħruq ta’ nċens mill-prim ministru quddiem ix-xbieha tiegħu stess.
Il-bieraħ lissen il-kelma “umanità” hu u jipprova jiġġustifika l-falza stikka li ħa meta tkellem dwar amnestiji għal dawk li weħlu l-multi talli kisru r-reġolamenti tal-imxijja Covid-19 dwar iż-żamma tad-distanzi soċjali. Skont hu, il-maħfra ta’ dawn il-multi hi miżura “umanitarja” issa li l-kriżi tinsab warajna. Ried ifisser li ma nkunux qed nuru ħniena jekk nibqgħu ninsistu fuq il-ħlas tal-multi.
Dan il-bniedem għal quddiem il-mera jinqala’ ħafna.