Fil-gżejjer Vanuatu hemm tribù li tqim lil Philip Mountbatten-Windsor, id-Duka ta’ Edinburgh. Din il-qima, l-antropologi jsejjħulha cargo cult. Il-leġġendi antiki li jemmnu fihom l-abitanti kienu twaħħdu mal-protokoll rjali li kienu mdorrijin isegwu b’għajnejhom kull meta xi membru tal-familja rjali kien iżur dawn il-gżejjer, li fis-snin 50 u 70 kienu magħrufin bħala New Hebrides. Il-kap tal-abitanti, li kien ukoll jagħmilha ta’ kożmologu, kien iddeċieda li l-Prinċep Philip kien il-messija l-imwiegħed li hu msemmi fl-istejjer antiki li kienu jirrakkontaw ix-xjuħ ta’ pajjiżhom.

Jien kont żort il-gżejjer Vanuatu u rajt lill-abitanti libsin dbielet magħmulin mit-tiben huma u jiżfnu għar-ritmu ta’ tat-tnabar. Wara nofs ta’ nhar ta’ żfin quddiem turisti Awstraljani, kienu lkoll ħerqanin biex jerġgħu jaqbdu l- PlayStation u għaldaqstant x’aktarx li din il-qima kollha li għandhom għall-Prinċep Philip m’hi xejn ħlief attrazzjoni turistika.

X’fettilli li semmejt il-cargo cultIl-cargo cult huwa forma ta’ twemmin mifrux fost soċjetajiet sotto-żviluppati li permezz tiegħu ikun hemm min iwettaq ritwali ta’ superstizzjoni bit-tama li jirċievi ġid modern mingħand soċjetajiet li huma aktar teknoloġikament avvanzati.

Ir-raħal tan-Nadur m’huwiex xi wieħed iżolat li għadu qatt ma mess maċ-ċivilizzazzjoni. Dan huwa t-tieni l-akbar raħal f’Għawdex, li bħalissa qed jiċċelebra r-rebħ tal-kampjonat tal-futbol. Fid-daħla tiegħu, wieħed jista’ jilmaħ kartellun kbir li jidolizza Joseph Portelli li jingħad li lill-klabb tal-futbol tan-Nadur tah imbuttatura, mhux bis-saħħa ta’ ħiliet kalċistiċi li jista’ għandu, iżda bis-saħħa tal-għajnuna finanzjarja li għaddielu.

Joseph Portelli huwa dak li ilu jqis lill-gżira ta’ Għawdex bħala parti mill-ġid personali tiegħu. Huwa l-istess bniedem li akkwista permess biex kamra żgħira nofsha mwaqqa’ fuq promontorju jibdilha f’villa mdaqqsa mdawwra minn artijiet wiesgħin.

Photo: MaltaToday

Huwa l-istess bniedem li żviluppa għalqa li m’hix tiegħu li tagħti fuq il-Bajja ta’ San Blas.

Photo: The Malta Independent

Huwa l-istess bniedem li applika fi stadji differenti biex itella’ żvilupp ta’ 165 appartament fil-Qala fuq art agrikola u dan bis-saħħa ta’ dikjarazzjonijiet foloz f’uħud mill-applikazzjonijiet li għamel.

Photo: Times of Malta

Huwa l-istess bniedem li żviluppa u ħaddem barriera llegali f’San Lawrenz.

Photo: Times of Malta

U l-lista tkompli

Dan iġib ruħu bħallikieku l-gżira t’Għawdex hi tiegħu. U minn banda, ma tistax tgħabbih bit-tort. Għax, wara kollox, wħud mill-flejjes li jinvesti jgħaddihom lill-Partit Laburista u bis-saħħa t’hekk il-liġijiet li jgħoddu għal ħaddieħor ma jgħoddux għalih. Tiftakruh lil Joseph Muscat jirrimarka f’-email “what the fuck, Joe?” meta kien qed jirreferi għall-impunità li gawda Joseph Portelli?

Iżda kellu jkun sponsorship lil Nadur Youngsters FC li wassal lin-nies biex jiżfnu fit-toroq, huma u jqimu u jgħollu  ismu mas-smewwiet.

Dan l-alla ċkejken qed jingħata qima għall-frak li jxerred bi bdil ma’ l-unika attrazzjoni tal-gżira: il-ġmiel tal-paesaġġ tagħha.