L-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt fil-baħar ta’ 12 il-ruħ wara li l-lanċa li dawn kienu riekbin fuqha tħalliet għal riħha għal diversi jiem qabel tniediet operazzjoni ta’ salvataġġ fl-ibħra Maltin qed tkompli tegħreq fil-kontroversja.

Dalgħodu The Shift News irrapporta li l-Maġistrat Joe Mifsud għadda lil Robert Abela kopja tax-xhieda kollha li kienet nġabret mill-inkjesta u dan qabel huwa stess ta x-xhieda tiegħu. Mhux soltu li xhieda li jkunu xehdu f’inkjesta jingħataw informazzjoni dwar dak li jkun intqal minn xhieda oħrajn li jkunu taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat. Fil-professjoni, din il-prattika hi magħrufa bħala “segreto istruttorio” li torbot bis-sigriet lil kull min ikollu x’jaqsam ma’ inkjesta u dan minħabba l-fatt li l-provi li jinġabru jistgħu imbagħad jintużaw kontra persuni li jkunu mixlija bit-twettiq ta’ delitti kriminali.

Kien partikolarment stramb il-fatt li lil Robert Abela għaddewlu l-informazzjoni ġaladarba huwa stess kien is-suġġett prinċipali tal-ilment li sar minn Repubblika, liema lment imbagħad wassal għat-tnedija tal-inkjesta. L-inkjesta suppost kellha tikkonkludi dwar jekk għandux jaqa’ suspett fuq Robert Abela dwar it-twettiq ta’ delitt kriminali. U għaldaqstant kienet għal kollox barra minn lokha l-azzjoni li permezz tagħha ingħataw fil-pussess tiegħu provi miġburin li eventwalment jistgħu jintużaw kontrih.

It-talba ta’ Robert Abela biex jingħata l-informazzjoni ssejset fuq premessa li hu kellu d-dritt li jkun jaf x’intqal fl-inkjesta biex ikun jista’ jiġi garantit id-dritt ta’ smiegħ xieraq fil-konfront tiegħu. Iżda inkjesta mhix ġuri. Ma nħarġet ebda xilja kontrih. Inkredibbli kif avukat li huwa wkoll prim ministru u avukat li huwa wkoll maġistrat jistgħu jiftehmu biex jgħawwġu dak li titlob il-liġi.

Il-fatt li l-Maġistrat Joe Mifsud aċċetta t-talba stramba ta’ Robert Abela turi li dan kien diġà wasal għad-deċiżjoni li ma jsibx ħtija f’Robert Abela ferm qabel il-konklużjoni tal-inkjesta u anki qabel Robert Abela ta x-xhieda tiegħu.

Jien diġà ktibt b’mod analitiku dwar xi siltiet tal-konklużjoni tal-inkjesta. Il-Maġistrat Joe Mifsud qabbad avukat jismu Lennox Vella biex imexxi l-ġbir tax-xhieda bħala parti mill-inkjesta. Ir-rapport tal-inkjesta semma’ “l-opinjoni esperta” ta’ Lennox Vella. Jien irrappurtajt li skont il-liġi, Maġistrat ma jistax iqabbad avukat bħala espert u dan minħabba n-nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni ta’ Lennox Vella u anki minħabba l-fatt li d-delitt kriminali li kien qed jiġi investigat iġorr miegħu piena ta’ aktar minn 7 snin ħabs.

U li kieku kollox sar skont il-liġi u ma tqabbadx Lennox Vella, l-inkjesta kienet iddum għaddejja aktar mir-rekord ta’ 4 ġimgħat li ħadet biex tiġi fi tmiemha.

Lennox Vella ilu 4 snin li leħaq bħala avukat u huwa soċju ma’ Mario Mifsud fid-ditta legali Mifsud Vella Advocates. Din id-ditta legali m’għandhiex website u l-Facebook page tinsab magħluqa. Madankollu isem din id-ditta legali tista’ ssibu fil-Paġni Sofor.

Mario Mifsud, sieħeb Lennox Vella fl-uffiċċju legali, jiġi ħu Joe Mifsud.

Lennox Vella huwa wkoll l-avukat personali ta’ Joe Mifsud. Kemm Mario Mifsud kif ukoll Lennox Vella, li dehru flimkien f’numru ta’ kawżi kriminali, kienu l-avukati ta’ Joe Mifsud meta dan kien deher bħala parte civile f’kawża li fiha raġel kien ġie mixli u mqiegħed taħt arrest talli qal diskors kontra l-maġistrat f’filmat tal-YouTube.