Il-kontradizzjonijiet fit-tweġibiet li ta Lawrence Cutajar lil Ivan Martin f’intervista lit-Times of Malta huma lampanti.

Dan insista li lil Edgar Brincat “il-Ġojja” bil-kemm kien jafu. Qal li kien ilu ma jkellmu għal żmien twil u kien jafu miż-żmien meta kien serva ta’ spettur tal-pulizija. Dan Brincat kien ikun fil-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel u kien jarah hemm.

Huwa naturali li kull min kellu karriera twila bħal dik ta’ Cutajar isir jaf mijiet ta’ nies fuq dan il-livell. Iżda lil dawn il-mijiet ta’ nies jaqaw ilkoll jilqagħhom id-dar tiegħu biex jaħfrilhom il-multi? Għaliex, mid-dehra, Lawrence Cutajar iridna nemmnu li ż-żjara li kien għamillu Brincat fid-dar tiegħu f’Ħal Luqa kienet waħda normali.

U jridna nemmnu wkoll li kien jaf b’dettall wieħed dwar dan il-bniedem li qalilna li bil-kemm kien jafu: kien jaf li Melvyn Theuma kien jiftaħ qalbu mal-Ġojja. Din m’hix ħaġa li wieħed jifhimha mill-ewwel. Brincat u Theuma ma kienux, ngħidu aħna, sħab fin-negozju. Dawn ma kienux ġew mixlija flimkien fuq xi ħaġa li flimkien kienu kkonkoffaw dwarha.

Anki li kieku, f’nofs konversazzjoni dwar xi żiemel tat-tiġrija, Edwin Brincat kien qal lil Lawrence Cutajar li hu kien jagħmilha ta’ “parrinu/konfessur” għal Melvyn Theuma, diffiċli li wieħed jemmen l-“inizjattiva” li kien ħa l-eks Kummissarju. Għaliex dak li stqarr isserraħ fuq ħafna kumbinazzjonijiet. Cutajar qal li hu qatt ma kien fittex lil Edwin Brincat. Iżda li Edwin Brincat kien tfaċċa d-dar tiegħu f’Ħal Luqa għall-għarrieda u fi żmien meta kienu ilu ma jarah. U x’suppost mar jagħmel id-dar tal-eks Kummissarju? Biex tinħafirlu multa.

U mbagħad kien hemm sensiela ta’ kumbinazzjonijiet. Ħin bla waqt, Cutajar ftakar li l-Ġojja kien ħabib ta’ Melvyn Theuma u ntebaħ li din kienet opportunità biex jakkwista t-tapes li dwarhom l-investigaturi – skont Lawrence Cutajar – kienu jinsabu f'”paniku” sħiħ.

Il-għala kienu qed “jippanikaw”? Forsi għax beżgħu li dawn setgħu jinqerdu? L-investigaturi ma’ qablu xejn mal-insistenza tal-eks Kummissarju li jiġu posposti t-tfittxijiet għal dawn it-tapes. Iżda għaddiet tal-eks Kummissarju. Ċertament, dan ma kienx f’xi paniku. Tabilħaqq lil Ivan Martin, Lawrence Cutajar igħidlu li ma kienx beżgħan li dawn it-tapes kienu ser jinqerdu. Allura il-għala żamm lill-investigaturi milli jwettqu t-tfittxijiet? Il-għala ma ħalliex lill-investigaturi jiġbruhom?

Minflok għamel użu mill-għodda li tagħtih il-liġi biex jiġbor it-tapes, il-għala kien talab ħabib ta’ ħabib biex jiġboromlu?

It-tweġibiet li ta Lawrence Cutajar jaqblu perfettament mat-tweġibiet li ta l-Ġojja fil-qorti l-bieraħ. U dawn it-tweġibiet ingħataw fl-istess ħin: minn Cutajar fl-intervista ma’ Ivan Martin, liema intervista saret fuq talba ta’ Cutajar stess, u minn Brincat permezz tax-xhieda li huwa ta fil-qorti.

Lawrence Cutajar igħid li l-Ġojja kien mar id-dar tiegħu f’Ħal Luqa biex ikellmu dwar multa tat-traffiku. Il-Ġojja jgħid li mar għand Lawrence Cutajar f’Ħal Luqa biex ikellmu dwar multa tat-traffiku li kien qala’. Lawrence Cutajar igħid li, hu u jitħaddet mal-Ġojja, kien tkellem b’mod spontanju dwar Melvyn Theuma u dwar it-tapes tiegħu. Il-Ġojja jgħid li Lawrence Cutajar spontanjament kien kellmu dwar Melvyn Theuma u t-tapes tiegħu.

Dak li ntqal minn Cutajar u mill-Ġojja jaqbel għal kollox sal-inqas detall. Iżda dak li stqarrew ma jagħmel ebda sens.

U jibqa’ l-fatt li, dwar provi kruċjali marbutin mal-aktar delitt importanti fil-karriera tiegħu, Lawrence Cutajar kien għamel mistoqsijiet spontanji lil persuna li tkellem magħha għaliex kien jaf li kien il-“parrinu/konfessur” ta’ wieħed mill-membri tal-konfoffa kriminali. Mhux daqstant importanti jekk dan għamlux b’mod spontanju għaliex f’ħin bla waqt ġie ispirat mill-Arkanġlu Grabiel jew inkella għax kollox kien moħmi bil-quddiem u kien ġiegħel lill-Ġojja jżuru f’daru biex ma jagħtix fil-għajn.

Jibqa’ l-fatt li Lawrence Cutajar indaħal f’investigazzjoni dwar qtil b’mod li naqqas iċ-ċansijiet li jinstab tarf tad-delitt.

Fl-intervista ma ssemma xejn dwar kwistjoni li feġġet fil-qorti l-bieraħ wara li ttieħdet l-intervista. Mix-xhieda li ngħata il-bieraħ, irriżulta li Lawrence Cutajar kien tkellem ma’ Melvyn Theuma dwar il-possibilità li dan jingħata maħfra. M’huwiex ċar dan id-diskors sarx direttament bejniethom (Lawrence Cutajar jiċħad li kien tkellem direttament ma’ Melvyn Theuma) jew inkella permezz tal-Ġojja. Iżda l-bieraħ fil-qorti ntqal li dan id-diskors kien seħħ qabel l-arrest ta’ Melvyn Theuma.

Dan m’hu xejn ħlief ġenn.

Din m’hi xejn ħlief korruzzjoni.

Din m’hi xejn ħlief kriminalità.

Fil-kuntest ta’ dak li sirna nafu aktar tard, dan ukoll jagħti lok għal suspetti.

Meta kien ġie arrestat Melvyn Theuma, Joseph Muscat kien stqarr pubblikament li ser ikun hu waħdu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-maħfra li kien għamel is-“sensar”. U hekk għamel: waħdu rrakkomanda u ta’ parir lill-President biex tinħareġ maħfra għal Melvyn Theuma. U r-rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, l-President huwa marbut li jaċċettaha.

Din il-proċedura nbidlet ġimgħatejn wara meta ġie biex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal maħfra li kien għamel Yorgen Fenech. Din id-darba, Joseph Muscat għadda l-applikazzjoni lill-Kabinett u dakinhar stess Lawrence Cutajar kellem lill-ministri u tahom ir-raġunijiet tiegħu l-għala Yorgen Fenech m’għandux jingħata l-maħfra.

Huwa tassew stramb kif għad hawn min huwa lest li jgħatti għal Joseph Muscat.

Il-bieraħ Lawrence Cutajar deher li ma kienx fil-burdata li jgħidilna. Ma nagħmlux mod li Lawrence Cutajar kien spontanjament laqa’ lill-Ġojja f’daru f’Ħal Luqa fuq struzzjonijiet tan-Napuljun tal-kriminalità lokali Joseph Muscat?