Għal ftit ma jaqbdekx id-daħk int u tara lil Chris Cardona jinjora l-pressjoni pubblika li l-mexxej tiegħu Robert Abela għamel fuqu biex iwarrab minn deputat mexxej tal-partit tiegħu u tarah jgħid li m’għandu ebda intenzjoni li jwarrab. U dan minkejja l-fatt li Robert Abela ġie kwotat li qal li jinsab ċert li Chris Cardona kien ser jagħmel dak li huwa meħtieġ biex “iħares l-isem tajjeb tal-partit”.
Ejjew inħallu fil-ġenb l-inkonsistenza bejn kliem Chris Cardona u għemilu meta l-ġimgħa li għaddiet ammetta li hu m’għadx fadallu futur politiku filwaqt li din il-ġimgħa insista li bi ħsiebu jibqa’ fil-kariga ta’ deputat mexxej tal-akbar partit politiku f’Malta. L-aktar ħaġa li laqtitni f’dan kollu kienet l-istqarrija ta’ Robert Abela meta dan tkellem dwar it-tħaris tal-isem tajjeb tal-Partit Laburista bħallikieku hawn xi ħadd fostna li jiġi jaqa’ u jqum minn dan.
Meta kien għadu żagħżugħ, Joseph Muscat – f’dak li x’aktarx kien ħaseb li hi apoloġija kuraġġjuża – kien sejjaħ lill-gvern Laburista ta’ bejn l-1981 u l-1987 bħala l-aktar gvern korrott fl-istorja ta’ Malta. Issa għad jitfaċċa xi żagħżugħ ieħor fl-istess partit li ser igħid l-istess ħaġa dwar il-gvern Laburista ta’ bejn l-2013 u l-2019. Evarist Bartolo ilu jħejji diskors bħal dan u kien tħarreġ f’dan is-sens ftit xhur ilu quddiem Tim Sebastian.
Il-fatt hu li l-Partit Laburista jitħoqqlu lil xi ħadd bħal Chris Cardona fi ħdanu għaliex dan il-partit jiġieħ qisu ngwanta. U għaldaqtant ħadd m’għandu jiskanta li lil Robert Abela baqa’ jisfidah u jgħidlu f’wiċċu li mhux bi ħsiebu jwarrab minkejja l-fatt li jinsab implikat f’konfoffa dwar qtil.
? Xokkanti! Kontinwità sħiħa għall-#impunità, @RobertAbela_MT. Kif qatt jista’ jkollu isem tajjeb dan il-partit’? Aktar jixbaħ organizzazzjoni tal-kriminali. Kuntenti b’din is-sitwazzjoni @PES_PSE @vonderleyen @EU_Commission⁉️#JusticeForDaphne #TruthNeverDies https://t.co/aidHPV1IEe
— repubblika ?? (@repubblikaMT) 14 ta’ Ġunju 2020
Chris Cardona għandu kull dritt igħid li huwa innoċenti. Iżda aktar ma jdum iggranfat mas-setgħa jkollu jammetti li ma jistax jibqa’ jservi lill-pubbliku u joħroġ ċar li s-setgħa jridha biss biex jevita li jiġi arrestat.
Ara ma jmurx ikun hemm min jibla’ x-xbieha ta’ kunfidenza li qed jipprova jpinġi Chris Cardona fih innifsu. Huwa jinsab imwerwer daqs kull persuna oħra li tista’ tkun fil-pożizzjoni tiegħu. Kollha jinsabu mwerwrin u xi kultant taħirbilhom ammissjoni dwar il-pressjoni li jinsabu taħtha. Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kitbet ftit ġimgħat ilu mart Keith Schembri – jiġifieri qabel ma’ żewġha reġa’ tkaxkar lejn il-pedana tax-xhieda tal-qorti għall-ewwel darba minn dakinhar fl-11 ta’ Novembru 2019 meta pprefera li jaċċetta x-xilja ta’ Simon Busuttil li huwa bniedem korrott milli jwieġeb mistoqsijiet taħt ġurament.
Keith Schembri diġa warrab minn membru tal-Partit Laburista. Għamel eżatt dak li Robert Abela talab minn Chris Cardona u ‘ħares l-isem tajjeb tal-Partit Laburista’. Sewwa wisq. Jiġifieri lkoll konna fhimna li l-Partit Laburista ma kellu ebda’ tebgħa fuqu meta warrab Keith Schembri? U żgur li le.
Il-fatt li Chris Cardona baqa’ ggranfat mal-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista ma jfissirx li hu innoċenti. Iżda l-innoċenza tiegħu lanqas m’hi ser tkun pruvata anki jekk iwarrab. Bħala figura politika ftit baqa’ x’wieħed igħid dwaru: Chris Cardona stess – bħal kull ditattur f’repubblika tal-banana – m’għadux jipprova jfittex l-iskużi għall-ispejjeż pubbliċi li kien nefaq fuq safar u lukandi lussużi biex seta’ jsegwi t-tlielaq tal-karrozzi.
L-unika ħaġa li fadallu biex jipprova jsib skuża hi dwar kemm kien wiesa’ l-involviment tiegħu f’delitti vjolenti, inkluż l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iwarrabx jew le minn deputat mexxej ma jbiddel xejn mill-fatt li kien il-Partit Laburista li tah ħatra li bis-saħħa tagħha seta’ jwettaq delitti kriminali.
Il-pajjiż jeħtieġ l-ewwel jistabilixxi l-ħtija wara t-twettiq ta’ dan id-delitt. Iżda jeħtieġ ukoll li jistabilixxi r-responsabbiltà politika ta’ organizzazzjoni politika li serviet u għadha qed isservi ta’ paraventu għal konfoffa kriminali ta’ korruzzjoni, ta’ tixħim u anki ta’ qtil.
Meta Alfred Sant kien keċċa lill-Qaħbu, lit-Totò u lill-elementi vjolenti l-oħrajn, kien hemm biżżejjed membri fil-Partit Laburista biex dan seta’ jkompli b’ħidmietu.
Kemm ikun jeħtieġ li jwarrbu deputati mexxejja qabel il-pajjiż jikkastiga lill-Partit Laburista talli ħoloq dan l-istat tal-mafja?