Għiduli li tridu imma dan li ġej inħoss li hu rilevanti.
Mill-intervista li għamel Ivan Martin lil Lawrence Cutajar:
L-assassinju ta’ ġurnalista seħħ fiż-żmien meta kont Kummissarju int. Bħala kap tal-pulizija, int kellek ir-responsabbiltà li tħares is-sigurtà pubblika.
Dan l-assassinju kien wieħed mill-akbar diżappunti tal-karriera tiegħi. Iżda hemm xi ftit tal-konsolazzjoni, xi ftit tas-sodisfazzjon, u jeħtieġ li nsemmihom ….. kellna każijiet ta’ ċerta portata f’Malta – naħseb li taf għal liema każijiet qed nirreferi, l-każ ta’ Raymond Caruana per eżempju. Qatt xi ħadd ittella’ l-Qorti wara 30 jew 35 sena?
U issa ħa nistaqsik waħda jien. F’dawn is-snin kollha, b’rabta ma’ dawn il-każijiet, qatt kien hemm talbiet għar-riżenji għaliex kienu seħħew dawn il-każijiet kollha u ma nstab tarf ta’ ebda waħda minnhom? Le.
Il-fatti huma li kien hemm persuna li ġiet mixlija bil-qtil ta’ Raymond Caruana: din kienet Nicholas Ellul li kien magħruf bħala ċ-Ċaqwes.
F’Diċembru 1990 kien ġie identifikat bħala sid l-iSterling submachine gun li kienet intużat biex inqatel Raymond Caruana. Huwa kien ġie mixli bil-qtil ta’ Caruana, iżda ma kienx inżamm taħt arrest u x-xhieda tiegħu qatt ma kienet instemgħet. Fl-2001, Nicholas Ellul miet b’kaġun ta’ overdose.
Jeħtieġ ukoll li nfakkru li fi Frar 1997, Ġanni Psaila li kienu jsibuh bħala l-Pupa kien xehed fil-Qorti li kien Karmenu Farrugia (magħruf bħala l-Botom) li kien spara lejn il-każin tal-PN f’Ħal Tarxien. Karmenu Farrugia — li jiġi missier il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia dak iż-żmien kien jaħdem ta’ xufier ta’ ministru. Huwa kien ċaħad l-allegazzjoni. Fil-frattemp Ġanni Psaila kien ġralu inċident u miet aktar tard dik is-sena wara li “waqa’ għal ġo shaft hu u jisraq minn dar”.
Tgħid Lawrence Cutajar dan kollu nsieh? Jew inkella għalih dan jammonta għal ġustizzja?
Ma nagħtix tort lil min dawn il-fatti jkun nesihom. Iżda Lawrence Cutajar kien il-Kummissarju tal-Pulizija b’esperjenza ta’ 30 sena. Ir-responsabbiltà li jressaq lejn il-qorti lill-qattiel ta’ Raymond Caruana biex issir ġustizzja kienet fuq spallejh.
U dawn id-dettalji kollha jidher li ħarbulu.
Ftakru dejjem li dan il-każ huwa semmieh biex jistkenn taħtu u biex mingħalih jurina kemm hu għaref.
Tgħiduli xejn!