Il-bieraħ rajna b’għajnejna lil Robert Abela bin-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu, bin-nuqqas ta’ fiduċja li għandu fih innifsu u bil-populiżmu kollu tiegħu.
In-nuqqas ta’ esperjenza ntweriet mill-fatt li dan mingħalih li qed jiggverna għal dawk li jagħmlulu l-ilmenti. L-istejjer li rrakkonta l-bieraħ dwar xi ħadd li weħel multa talli resaq viċin wisq lejn vann tal-ħaxix jew għaliex kien hemm min kien fost rassa ta’ nies madwar bejjiegħ tal-fjuri f’ċimiterju juru li m’huwiex mexxej li jaf x’inhu jagħmel: mingħalih li t-tmexxija ta’ gvern hi forma ta’ divertiment li tiffunzjona biss meta n-nies iċċapċaplu.
U għaliex m’għandux fiduċja fih innifsu, Robert Abela m’għandux il-ħila li jżomm iebes. Meta ddeċieda li jħassar liġijiet li vara huwa stess xahrejn ilu, wera’ n-nuqqas ta’ apprezzament għar-raġunijiet li għalihom dawn kienu ġew varati.
Ir-raġunar li ġab fis-sens li l-liġijiet kienu ġew varati biex iservu ta’ deterrent u li d-deterrent ħadem, m’għandux ifisser li dawk li ġew jaqgħu u jqumu mil-liġijiet għandhom jiġu ppremjati. Hemm min jirraġuna li din hi kwistjoni ta’ ġustizzja bħallikieku ninsabu fl-istess pożizzjoni tal-iben prodigu u ta’ ħuħ il-kbir.
Il-verità hi li meta jitħassar deterrent għal darba, dan ma jerġax jaħdem għad-darba li jkun imiss. Ma tantx iddoqqli l-istqarrija li issa nistgħu ma nibqgħux inżommu d-distanzi soċjali, li m’għandniex għalfejn nilbsu maskri u li nagħmlu r-restrizzjonijiet meta nkunu f’nofs ġemgħat ta’ nies. Iżda anki li kieku tassew wasalna għall-punt li m’għandniex għalfejn inżommu attenzjoni stretta, x’garanzija għandu Robert Abela li m’hux ser ikollu għalfejn jerġa’ japplika liġijiet bħal dawn is-sena d-dieħla?
Tista’ sseħħ it-tieni mewġa tal-imxijja Covid-19 jew tista’ anki tfeġġ xi pandemija oħra. Robert Abela kif jippretendi li n-nies għandha tobdi l-liġijiet li għandu r-responsabbiltà li jvara?
Xejn ma jagħmel sens ir-raġunar ta’ Robert Abela li ġaladarba l-biċċa ‘l kbira tan-nies obdiet l-liġijiet, allura jista’ jaħfer lil dawk il-waħdiet li ġew jaqgħu u jqumu minnhom. Ma jeżistux liġijiet li jinkisru mill-biċċa ‘l kbira tan-nies. Huma waħdiet dawk li jiksru l-liġijiet billi joqtlu lil ħaddieħor. Dan ma jfissirx li m’għandniex il-ħtieġa ta’ liġijiet kontra min joqtol għaliex il-qattiela huma dejjem waħdiet.
Ċertament dawk li joqtlu u dawk li ma jżommux id-distanzi soċjali ma tistax titfagħhom fl-istess keffa. Iżda din hi r-raġuni l-għala tal-ewwel jintbagħtu l-ħabs għal għomorhom u dawn tal-aħħar jeħlu multa żgħira. Kundanna li tkun taqbel mar-reat li jkun seħħ tfisser ukoll li min jikser il-liġi jkollu jħallas għal għemilu. U mbagħad jiġi Robert Abela u lil min jikser il-liġijiet, idendillu medalja ma’ sidru.
Huwa veru li jista’ jagħti l-każ li liġi tiġi applikata ħażin. Iżda qatt smajna b’xi tabib igħid li ma tistax tittieħed mill-imxijja tal-coronavirus jekk tersaq viċin vann tal-ħaxix jew bejjiegħ tal-fjuri? Ċertament lanqas qatt ma smajna b’min igħid li ma tistax tittieħed mill-imxijja int u tispezzjona gwardja tal-unur jew int u tgħannaq lill-prim ministru Libjan.
Jekk u meta l-liġi tiġi applikata ħażin, wieħed dejjem għandu l-fakultà li jippreżenta petizzjoni b’talba li terġa’ tiġi kunsidrata l-multa u dan minħabba ċerti ċirkustanzi speċifiċi. Iżda x’iskop jibqa’ għat-tfassil tal-liġijiet meta mbagħad tingħata amnestija bħal din?
Ibqgħu ċerti li Robert Abela bejnu u bejn ruħu qed jaħseb li qed neżaġeraw. Ser idaħħalha f’moħħu li l-kanuni li nfetħu fuqu l-bieraħ huma xogħol in-Nazzjonalisti. Jew ser jikkonvinċi lilu nnifsu li l-biċċa ‘l kbira tan-nies tinsab warajh dwar din il-kwistjoni.
Iżda l-verità hi li l-biċċa ‘l kbira tan-nies obdiet il-liġijiet jew għax beżgħet mill-multi, jew għaliex riedet tħares saħħitha jew anki b’sens ta’ dover lejn il-familja u l-komunità. U l-biċċa ‘l kbira tan-nies li ma weħlitx multi m’hi ser takkwista xejn mill-ġenerożità tal-prim ministru.
Lill-biċċa l’kbira tan-nies li obdiet il-liġijiet, il-gvern qalilha li jinsab sogħbien li ħarisha mill-irresponsabbiltà tal-minoranza li ġiet taqa’ u tqum minn saħħet il-ġirien tagħha. Kienu l-uffiċjali tas-saħħa pubblika li qdew dmirhom u fasslu regolamenti u mxew fuqhom. U kienu l-uffiċjali tal-pulizija li għamlu sforzi kbar biex jiżguraw it-tħaddim ta’ dawn ir-regolamenti. Dawn l-uffiċjali qdew dmirhom f’isem il-poplu. U dan kollu, Robert Abela ramieħ il-baħar.
Darb’oħra, min ser jwaqqaf lil dawk li ġew jaqgħu u jqumu? L-istess nies li qed iwaqqfu lil Keith Schembri, Chris Cardona, Konrad Mizzi u Joseph Muscat.