Byron Camilleri keċċa lil Lawrence Cutajar  wara li ġie żvelat li “l-kbir ta’ Ħal Luqa” – kif sejjaħlu Melvyn Theuma llum fil-qorti – kien jikkanċella l-multi mill-iskrivanija tiegħu fil-kwartier ġenerali tal-pulizija u kien jimmina xogħol l-uffiċjali investigattivi billi jtarraf lill-kriminali b’informazzjoni dwar l-arrest imminenti tagħhom.

Robert Abela kien aċċetta r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija ftit wara li dan inħatar prim ministru fit-12 ta’ Janner. Iżda dakinhar stess tar-riżenja tiegħu, inħatar konsulent “dwar is-sigurtà pubblika u dwar il-loġistika” bl-istess salarju li kellu meta kien Kummissarju.

Illum Byron Camilleri keċċa lil Lawrence Cutajar u qal li l-ministeru tiegħu irid jistenna biex joħorġu l-fatti kollha.

Aħjar Alla jagħtini s-sabar!

Meta jridu, jafu jilgħabuha tal-boloħ.

Fit-23 ta’ Frar 2020, il-ġurnalisti Ivan Martin u Jacob Borg tat-Times of Malta kienu rrappurtaw li Lawrence Cutajar kellu mill-inqas żewġ laqgħat ma’ Edwin Brincat li jgħidulu l-Ġojja u li mid-dehra jagħmilha ta’ parrinu għal Melvyn Theuma. It-tieni laqgħa seħħet xorta waħda minkejja l-fatt li l-uffiċjali investigattivi lil Lawrence Cutajar kienu qalulu biex ma jbagħbasx mal-provi.

F’din l-istorja li xxandret fi Frar, kienu ġew ikkwotati għejjun li qalu li “l-laqgħa seħħet minn wara dahar l-uffiċjali investigattivi u feġġ tħassib dwar ‘ftehim minn taħt’ li seta’ seħħ bejn l-eks kummissarju tal-pulizija u wieħed mill-persuni suspettat li kellu x’jaqsam mad-delitt.”

Ir-rapport ta’ Ivan Martin li xxandar il-bieraħ igħid li “minn recordings ġodda li nstabu dan l-aħħar u li kienu saru mis-sensar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, feġġ suspett serju li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar seta’ tarraf lil Theuma bl-arrest imminenti tiegħu.”

Għaldaqstant dak li fit-23 Frar kien suspett, fis-7 ta’ Ġunju sar probabbiltà, liema probabbiltà issa ġiet konfermata mix-xhieda li ngħatat dalgħodu fil-qorti.

U llum Byron Camilleri keċċieħ.

L-ewwelnett irrid ngħid li din it-tkeċċija ta’ Lawrence Cutajar seħħet grazzi għall-ġurnaliżmu ta’ Jacob Borg u ta’ Ivan Martin. Dan tal-aħħar irċieva xi kritika dwar l-intervista li għamel lil Chris Cardona. Iżda jeħtieġ li nsemmu kollox u l-verità hi li l-ġurnalisti tat-Times of Malta din l-istorja qed ikomplu jtuhu l-prominenza li tistħoqq.

It-tieninett, jgħarralu Byron Camilleri jekk mingħalih li din l-istorja ser tieqaf hawn.

Meta kien sar jaf bih Byron Camilleri dak li qrajna dwaru l-bieraħ u llum dwar Lawrence Cutajar? X’mistoqsijiet għamel lill-pulizija wara li kien ixxandar ir-rapport tat-Times of Malta fit-23 ta’ Frar? Xi tweġibiet irċieva?

Kien jaf Byron Camilleri li Lawrence Cutajar kien taħt suspett li ftiehem minn taħt ma’ dawk li huwa suspettati li kellhom x’jaqsmu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qabel ħatru bħala konsulent tiegħu? Sar jaf b’din l-istorja illum wara nofsinhar?

Jekk kien sar jaf qabel illum wara nofsinhar, lil min ser ikeċċi talli ħallewh fil-għama?

U peress li ninsab moralment konvint li Byron Camilleri ipprova jgħatti din l-istorja sakemm it-Times of Malta ( u l-mistoqsijiet li għamel Jason Azzopardi fil-qorti) komplew jikxfu għawwar oħrajn, meta se jitfa’ r-riżenja tiegħu Byron Camilleri?

Il-kenn kollu li qed jingħata lill-ħallelin jeħtieġ li jiġġarraf.