Kienu jsejħulna tal-“Barra Brigade”, tal-“klikka ta’ Daphne”, ‘Ta’ Simon’, ‘Ta’ kontra Delia’, ‘Erba’ anarkiċi’, ‘Nazzjonalisti indannati’ jew ‘Erba’ qtates m’għandhomx x’jagħmlu’. Iva. Ma jfissirx però li ma kellniex raġun.

Mhux bi ħsiebni noqgħod insemmi waħda waħda t-tgħajjir li kienet qalgħet Daphne Caruana Galizia tul ħajjitha – iżda għat-tgħajjir kollu li kienet qalgħet, kellha mitt raġun.

Tal-Labour ma jistgħux iniżżluha li qed ikollhom iħabbtu fuq sidirhom. Ma jridux jammettu li kien messhom kalaw lil Konrad Mizzi ‘l barra wara li kienu għamlu erba’ snin sħaħ jaqbżu għalih u dan meta setgħu keċċewh fl-2016 meta kien inkixef il-ħmieġ għall-ewwel darba. Kien jgħidulna ‘fejn huma l-provi?’. U issa li l-provi reġgħu jinsabu mċappsin ma’ wiċċhom – wara li kienu ilhom jiċċappsu ma’ wiċċhom ripetutament – iridu jbellgħuha li jinsabu determinati.

Iżda dawn m’huma xejn ħlief qabda lsiera ġwejjef li huma mwerwrin mis-segwaċi fanatiċi tal-partit tagħhom li, bħall-ilpup, jitħallew jaqbżu fuq kull min jażżarda jagħmel kritika interna. Il-membri tal-eżekuttiv tal-Partit Laburista l-bieraħ stennew li għal darb’oħra ser ikollhom joqgħodu jiddefendu lil Konrad Mizzi. Huma u sejrin għal laqgħa, tgħidx kemm faħħruh għas-servizz li f’moħħhom immaġinaw li ta lil pajjiż. U lissnu dan il-kliem minkejja l-fatt li kienu jafu għal snin sħaħ li kulma għamel Konrad Mizzi kien li seraq lil pajjiżu.

Iżda huma u ħerġin mil-laqgħa, ilkoll waqgħu fil-muta.

Il-fatti huma li kienu dawn il-membri tal-eżekuttiv tal-Partit Laburista li għenu lill-kandidat stilla tagħhom, Konrad Mizzi, jisraq lil pajjiżna. Dawn kienu l-gwardjani armati tiegħu, l-esperti tiegħu tal-isplussivi u x-xufiera li ħarrbuh fl-akbar serqa li qatt seħħet f’dan il-pajjiż.

Dawn kienu qiegħduh minn fejn issa neħħewh u qatt ma ndenjaw ruħħom jagħmlu l-mistoqsijiet waqt li dan il-buffu twil, minn imkien sab ruħu deputat mexxej tal-Partit Laburista. Dawn qatt ma kienu ndenjaw ruħħom jgħarblu l-vujtaġni ideoloġika tiegħu. Qatt ma ndenjaw ruħħom jistaqsu l-għala dan qatt ma kellu l-ħila tal-empatija. Qatt ma ndenjaw ruħħom jgħarblu l-metodi tiegħu u l-apprezzament superfiċjali li għandu għal kwistjonijiet politiċi kumplessi.

U mbagħad, hekk kif inkixfu l-Panama Papers, qatt ma ndenjaw jistaqsu lilhom infushom il-għala kien għamel dawk l-isforzi kollha biex jiftaħ kumpannija fil-Panama u trust fi New Zealand biex dawn suppost ikunu s-sidien ta’ dar żgħira b’garaxx u  €94 fi flus kontanti.

Dawk il-ministri, deputati, uffiċjali, impjegati u propagandisti tal-Labour li kienu xebgħu jaqbżu għalih lili m’humiex ser ibellgħuhieli li fi Frar 2016 ma kienux fehmu li Konrad Mizzi kien mgħarraq fil-korruzzjoni u li dan kien uża lill-partit tagħhom biex jisraq il-miljuni mill-ġid ta’ pajjiżu.

U żgur li kienu fehmuha!

Imma ma kienx jimporta. Għaliex għalihom l-importanti kien li għenhom jirbħu l-elezzjonijiet u dan kien biżżejjed għalihom. Tajjeb jew ħażin, l-ewwel il-partit.

Issa kellhom iwarrbuh għax m’għadx fadlilhom skużi. Iżda kienu huma li għenu biex iseħħ il-qtil tal-ġurnalista li kienet kixfet lil Konrad Mizzi, u għenu wkoll biex dan id-delitt jitgħatta bit-tama li d-dnubiet tagħhom jindifnu u jintesew.

Dawn kienu fehemu mill-bidu nett li Keith Schembri – li rebbħilhom għaxar elezzjonjiet – kien imdaħħal ukoll. Kif kienu fehmu wkoll li t-tielet persuna ta’ din it-trinità ma kienet ħadd ħlief il-mexxej maħbub tagħhom Joseph Muscat.

Mhux biżżejjed li Robert Abela issa rtira l-kalunja li kien għamel kontra r-raġel ta’ Daphne u kontra uliedha fis-sens li dawn tant jobgħodu lil Malta li kienu lesti jfixklu l-investigazzjoni dwar l-assassinju tagħha. Issa jmissu jinżel għarkubbtejh u jitlob maħfra mingħandhom qabel iwarrab għal kollox mill-politika.

Dawn bħalissa jmisshom ilkoll jinsabu għarkubbtejhom. Ċertament ma jistgħux ireġġgħu l-arloġġ lura. Iżda għandhom jagħmlu dan biex jilħqu l-“ogħla livelli ta’ mġieba” li tkellem dwarhom Robert Abela ‘l bieraħ.

U għandhom jagħmlu dan quddiem il-mafkar tal-Assedju l-Kbir, huma u jixgħalu x-xemgħat quddiem ritratti ta’ Daphne b’impenn li mil-lum ‘il quddiem fil-politika jagħmlu dak kollu li hu sewwa.

B’hekk biss inkunu nistgħu nemmnu li issa fehmu dak kolli li kienu għamlu.

Iżda jidher li ma fehmu xejn għaliex qed ikomplu jittamaw li l-protesti favur il-ġustizzja m’humiex ser jissuktaw. Joseph Muscat kien mingħalih li kien ser jibqa’ jitbissem b’mod “seren” wara li ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Diċembru li għadda. U sal-bieraħ Robert Abela baqa’ jagħtih il-kenn. L-istess kenn li sal-bieraħ kien ta lil Konrad Mizzi, sal-ġimgħa li għaddiet lil Chris Cardona u sal-ġimgħa ta’ qabel dik lil Lawrence Cutajar.

Ara ma jmurx jaħseb Robert Abela li ser ibellagħhielna li m’għadux jagħti kenn lil Konrad Mizzi. It-tkeċċija tiegħu mill-grupp parlamentari Laburista m’hi xejn ħlief ġest simboliku li permezz tiegħu Konrad Mizzi (u Robert Abela flimkien mal-grupp parlamentati Laburista) m’hu ser jitlef xejn. Il-vot tiegħu ser jibqa’ jingħadd ma’ tagħhom. U Konrad Mizzi ser jibqa’ fil-Parlament biex jagħti x’jifhem li nfatam minn mal-grupp Laburista biss bħala miżura temporanja.

Din m’hix ġustizzja. Il-ġustizzja ssir biss bl-arrest ta’ Konrad Mizzi u dakinhar li jiġi mixli fil-qorti. U meta l-istess iseħħ fil-konfront ta’ Chris Cardona u Keith Schembri.

U m’aħniex ser inkunu sodisfatti sakemm tintlaħaq il-quċċata. Joseph Muscat jeħtieġ jerġa’ jibda’ dik il-famuża konversazzjoni ma’ wliedu. Għaliex għal xi ftit taż-żmien jista’ jipprova jistaħba. Iżda ma ma jistax jibqa’ mistoħbi għal dejjem.

Il-Partit Laburista m’huwiex lest li jwarrab lil Joseph Muscat. Dawn qatt ma nidmu għall-vjolenza u l-korruzzjoni tas-snin 70 u 80. Qatt ma nidmu għall-inkompetenza u għat-tiġrif li kellhom fis-snin 90. Qatt ma nidmu għall-ostilità li dejjem kellhom lejn l-għaqda Ewropea tas-snin 90 u 2000.

U ma jridux jindmu li ħatru u appoġġjaw b’mod fanatiku mexxej li spiċċa biex hu l-aktar politiku maħmuġ u korrott li qatt kellu l-pajjiż u li s-sena li għaddiet ġie rikonoxxut bħala l-politiku l-aktar korrott u kriminali fid-dinja.

Dan huwa “Joseph tagħna” li kienu xebgħu jixgħalulu x-xemgħat bħallikieku kien l-għoġol tad-deheb f’qiegħ il-muntanja Sinaj. Dawn qatt m’huma ser jirrikonoxxu s-sehem tagħhom fl-istupru u s-serq ta’ dan il-pajjiż u fil-qtil tal-aqwa ġurnalista li kellu. Għaliex dakinhar li jagħmlu dan, jegħrqu lkoll flimkien mal-alla falz tagħhom.

Għaldaqstant, b’ċerta dieqa, għandi l-pjaċir li nilqa’ lil Robert Abela u lil 71 mit-73 membru tal-eżekuttiv tal-Partit Laburista fil-‘Barra Brigade’.

Ilna mill-2016 ngħidulhom biex jagħmlu dak li għamlu l-bieraħ.