Xi drabi niġi mistoqsi mill-ftit li fadal tas-segwaċi ta’ Joseph Muscat fejn kont jien meta kienet seħħet xi ħaġa qabel l-2013. Ma nafx għalfejn issirli mistoqsija bħal din għaliex kulħadd jaf it-tweġiba għaliha.

Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-ritratt ta’ hawn taħt biex tiffriskaw xi ftit il-memorja dwar fejn kien Robert Abela f’Ġunju 2017. Kien qed igħolli lil Chris Cardona u lil Konrad Mizzi fuq spallejh hu u jiċċelebra r-rebħa elettorali.

Dalgħodu l-Ispettur Kurt Zahra xehed quddiem il-Bord tal-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kkonferma żewġ affarijiet meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Jason Azzopardi.

  1. Il-burner phones li ntużaw fl-assassinju kienu nxtraw lejn tmiem l-2016.

2.  Lejn tmiem l-2016 Yorgen Fenech kien diġà jaf li l-elezzjoni kienet ser tissejjaħ sena qabel żmienha.

Jason Azzopardi għadu kemm tkellem fil-Parlament u għamel riferenza għas-sinjifikat ta’ dan kollu.

Hemm tliet spjegazzjonijiet li huma possibbli.

L-ewwel, dak li seħħ kien biss kumbinazzjoni.

It-tieni, Joseph Muscat ried li jsejjaħ elezzjoni qabel Daphne Caruana Galizia tikxef dak li kienet skopriet dwar l-iskandlu 17 Black u dwar dak li kien għamel fil-Montenegro.

It-tielet, Joseph Muscat ried jeħles l-elezzjoni qabel tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Ir-raba’ spjegazzjoni – li kienet issejħet elezzjoni bikrija minħabba l-istorja li xandret Daphne f’April 2017  – ma teżistix. Egrant kienet biss l-iskuża. U Joseph Muscat gideb biex igħatti waħda mill-possibilitajiet l-aktar kredibbli li jissemmew hawn fuq.

Meta f’Mejju 2018 Joseph Muscat tkellem dwar l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija, x’aktarx kien qed jagħmel riferenza skoretta. Seta’ kien qed jipproġetta l-gidba tiegħu stess: l-akbar u l-agħar gidba fl-istorja politika ta’ Malta.

Minn dakinhar li nġibed ir-ritratt f’Ġunju 2017, Robert Abela m’għadux iġorr lil Konrad Mizzi u lil Chris Cardona fuq spallejh. Sa tliet ġimgħat ilu kien għadu qed iġorrhom.

Iżda lill-imgħallem u s-sid tiegħu Joseph Muscat baqa’ jġorru fuq spallejh sal-lum.

U miegħu għad jegħreq.