F’April 2018, jiġifieri sitt xhur wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-mexxejja tal-Europol kienu waslu biex jinbidlu. Id-direttur tagħha Rob Wainwright kien jeħtieġ li jwieġeb għal ittra li kienet bgħatitlu l-eks membru parlamentari Ewropea Ana Gomes li fiha talbitu informazzjoni dwar fejn kien wasal il-proċess tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalkemm Rob Wainwright kien diplomatiku fit-tweġiba li ta, l-fatt li kien ser jitlaq mill-kariga kienet effettwa l-kwalità tat-tweġiba tiegħu. Huwa weġibha fis-sens li kien tfaċċa tħassib ġdid li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni intensiva mill-Europol u li l-livell ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet Maltin ma kienx ta’ livell mixtieq. Huwa kompla jwieġeb li dan il-livell ta’ koperazzjoni jista’ jitjieb u l-Europol kienet qed tipprova ssib tarf ta’ din il-problema. B’ebda mod ma setgħet tivverifika b’mod indipendenti dwar fejn kienu waslu l-investigazzjonijiet u li ta’ bilfors kellha sserraħ fuq informazzjoni mgħoddija lilha minn Malta.
It-tweġiba kienet sottili daqs kemm kienet ċara. Tal-Europol kien jidhrilhom li l-Pulizija Maltija ma setgħetx tkun fdata. Jeħtieġ li niftakru li dan kien korp tal-Pulizija ta’ Malta mmexxi minn Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u Ian Abdilla. Dak iż-żmien, tat-Times of Malta kienu għamlu xi mistoqsijiet lid-dipartiment tal-pulizija. “Nhar is-Sibt, il-Pulizija qalet li kienet iddiskutiet l-ittra mal-Europol u dawn assigurawha li meta Mr Wainwright irrefera għal-“livell li jista’ jitjieb”, ma kienx qed jirreferi għal Malta jew għall-korp tal-pulizija ta’ Malta. “Ġie konfermat ukoll li din ir-riferenza kienet dwar koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn,” kompliet tgħid il-Pulizija.
Immaġinaw naqra. L-ilmenti tal-Europol dwar nuqqas ta’ koperazzjoni fejn għandha x’taqsam l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienux fil-konfront tal-pulizja Maltija iżda fil-konfront ta’ pulizija minn xi pajjiż ieħor. Tgħid kienu qed jirreferu għall-korp tal-puliizja tal-gżejjer Falkland? Jew għal tal-Kamchatka Reindeer? Jew forsi għall-gwardjani tas-sajd tal-Kaledonja l-Ġdida? Bħalissa qed jixhdu diversi xhieda u dawn issa qed iġiegħluna nifhmu aħjar il-ħxuna tal-gideb li gidbet il-Pulizija ta’ Malta.
Fil-Qorti dalgħodu, Johann Cremona – sieħeb fin-negozju ta’ Yorgen Fenech u “konfessur” tas-sensar Melvyn Theuma – xehed dwar dak li kien qallu Theuma. Skont it-Times of Malta: “(Johann) Cremona qal li (Melvyn) Theuma akkwista informazzjoni li jinsab taħt investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus mingħand (Lawrence) Cutajar, u dan tal-aħħar ukoll għaddielu dettalji dwar dak li kienet qed tagħmel l-Europol fil-konfront tiegħu. Theuma wkoll semma’ r- recordings lill-eks kummissarju. Il-Maġistrat (Rachel) Montebello staqsiet għal liema recordings kien qed jirreferi u x-xhud wieġeb li dawn kienu recordings li kien għamel Melvyn meta kien jitkellem ma’ (Yorgen) Fenech.” Ix-xhieda li ngħatat s’issa tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni kriminali internazzjonali. Il-Pulizija Maltija wriet li ma tistax tiġi fdata biex tinvestiga bis-serjetà kemm l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll il-korruzzjoni li kellha tindifen bis-saħħa ta’ dan l-assassinju. Talbuna biex inħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu. U, aħna u nħalluhom jaħdmu, l-informazzjoni li akkwistaw mingħand il-Europol dawn l-istituzzjonijiet għaddewha lill-kriminali.
Lawrence Cutajar għandu responsabbiltajiet personali x’jerfa’ u, bħal ħafna oħrajn qablu, issa m’hemm ebda raġuni l-għala dan għadu ma nġabarx u miżmum taħt arrest. Iżda l-istituzzjoni tal-pulizija falliet hawn ukoll. M’aħniex nitħaddtu fuq xi membru kwalunkwe tal-korp. Qed nitħaddtu fuq il-kap tal-pulizija. L-uniformi, r-rispett istituzzjonali, s-setgħat legali, l-immunità effettiva, l-aċċess għal informazzjoni dwar investigazzjonijiet kriminali, l-metodu tal-ħatra tiegħu. Hawn għandna falliment sistematiku totali tas-saltna tad-dritt.
Għaldaqstant id-dipartiment tal-pulizija ma jistax ikun hu stess li jsewwi d-diżastru li ġab b’idejh stess. U kull darba li l-Qorti tisma’ x-xhieda f’dan il-każ, aktar nintebħu kemm għad hemm stejjer tal-waħx li għad irridu nisimgħu bihom.