It-traġedja ta’ żminijietna
L-istorja ta’ pajjiżna għaddiet miż-żminijiet imqallbin tagħha. Iżda qed isir dejjem aktar diffiċli li wieħed jipparaguna ż-żminijiet li ninsabu għaddejjin minnhom ma’ żminijiet oħrajn mill-Indipendenza ‘l hawn.
Illum is-Sunday Times of Malta tikkowota għejjun li huma “qrib il-gvern ta’ Robert Abela” li qalu li “l-prim ministru l-ġdid huwa ħerqan li jaqleb il-paġna dwar il-każ ta’ Caruana Galizia.” Diskors li jwaħħxek. “Il-każ ta’ Caruana Galizia” ma kienx xi inċident bħall-oħrajn. Lanqas biss jista’ jiġi kunsidrat bħala każ ta’ qtil kwalunkwe u, għalkemm huwa każ ta’ qtil li ħoloq weġgħat kbar, dawn il-weġgħat jistgħu biss jiżdiedu kemm il-darba tibqa’ ma ssirx ġustizzja.
L-hekk imsejjaħ “każ Caruana Galizia” – isejjħulu b’dan il-mod huma u jippruvaw jaħarbu mir-realtà – m’huwa xejn ħlief il-kxif tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata u tal-kriminalità organizzata liebsin l-ilbies ta’ gvern li pajjiżna bħalissa jinsab imsallab bih.
Kif ser naqilbu l-paġna ġaladarba għad hemm tant mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba? Ġaladarba l-ġustizzja tinsab daqstant ‘il bogħod milli ssir? Ġaladarba għad hemm ħafna aktar x’jinkixef?
Meta nisma’ dawn l-għejjun jitkellmu pemezz tas-Sunday Times of Malta, nintebaħ li dawn jinsabu fi stat ta’ ċaħda. Il-feriti li nkixfu m’humiex ser jagħlqu sforz ix-xewqa li dawn jagħlqu. Dawn ser jibqgħu feriti miftuħin u aktar ma jgħaddi żmien, ser ikomplu jnixxu d-demm.
Illum il-MaltaToday kitbet li dakinhar li l-kabinett tal-ministri kien iddeċieda li jiċħad it-talba ta’ Yorgen Fenech li tingħatalu l-proklama, jiġifieri fid-29 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet, dawn kienu ġew infurmati li l-istess Yorgen Fenech kien qed joffri li jixhed dwar il-korruzzjoni fl-Electrogas, fil-każ tal-Montenegro u fil-każ ta’ kuntratt li sar f’Hong Kong li fih jinsab imdaħħal iċ-chief of staff tal-eks prim ministru.
Il-kelma ‘offra’ tfisser li din kienet informazzjoni dwar kwistjonijiet li l-ministri għandhom ikunu ħerqanin li jisimgħu dwarhom. Iżda jidher li ma kellhomx l-istonku li jisimgħu dwar kemm kien imxajtan ir-reġim li huma stess kienu jifformaw parti minnu. Għamlu bħalma kienu għamlu l-mixlijin quddiem it-Tribunal ta’ Nuremberg wara l-gwerra hekk kif taw daqqa’ t’għajn lejn ritratti tad-delitti kriminali li kien wettaq il-gvern tagħhom: bdew igħidu ma’ xulxin li ma kienu jafu b’xejn.
Il-ġimgħa li għaddiet, dik ix-xena li fiha Ian Borg lill-ġurnalisti deher jgħidilhom “xorta nirbħulhom” hu u dieħel għal laqgħa tal-Partit Laburista, m’hi xejn ħlief tifsira ta’ dak li jridu jfissru meta jistqarru li jridu jaqilbu l-paġna dwar il-każ Caruana Galizia.
Huma u jiġu ffaċċjati bl-immoralità tar-reġim li kienu jiffirmaw parti minnu, dawn iridu joħorġu bl-iskuża li ma kellhomx x’jaqsmu mad-delitti imwettqa mill-gvern tagħhom. Għaliex jekk dawn jiddeċiedu li jerfgħu fuq spallejhom ir-responsabbiltà kollettiva bħala ministri għall-kuntratt tal-Electrogas u għall-iskandlu tal-Montenegro u jekk jaċċettaw ir-resposabbiltà individwali li ma jirriżenjawx meta – kif stqarr dan l-aħħar Edward Scicluna kienu esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom “internament” – ikollhom iwarrbu mill-ħajja pubblika.
Il-verità hi dan ir-reġim suppost jinsab fl-aħħar ġranet tiegħu. Issa li l-effetti tal-imxijja Covid-19 qed jonqsu, bosta huma dawk li qed jintebħu li l-politika ekonomika ta’ Muscat ma kienitx waħda li tħares fit-tul. Bosta huma dawk li qed iħejju ruħħom għat-tmiem tas-seba’ snin tal-abbundanza li matulhom il-gvern ma ħasibx għal meta jaslu ż-żminijiet tal-għaks. Dakinhar naqilgħu d-daqqa li x’aktarx ser naqilgħu bil-lista l-griża tal-Moneyval, se jkunu biss is-segwaċi fanatiċi tal-Partit Laburista li ser jonqsu milli jintebħu li Joseph Muscat u l-klikka ta’ madwaru serqu l-ġid ta’ ġenerazzjoni sħiħa.
Il-korruzzjoni nkredibbli li nkixfet u li għadha qed tinkixef suppost għandha tkun biżżejjed biex iġġiegħelhom iwarrbu. Ma jwarrbux mhux għaliex għaliex il-biċċa ‘l kbira tan-nies f’Malta ma ntebħitx bil-ħtieġa kbira li jkun hawn bidla fil-pajjiż. In-nies taf li teżisti ħtieġa urġenti għal bidla. Iżda taf ukoll li gvern immexxi minn PN kif inhu mmexxi llum, ma jipprovdix alternattiva kredibbli.
David Agius u Edwin Vassallo, li huma fost il-waħdiet fil-grupp parlamentari li għadhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia, għadhom kemm wasslu dak li f’moħħhom igħaddi bħala messaġġ politiku tal-PN.
Skont dawn, jeħtieġ li nagħtu l-appoġġ tagħna lill-PN għaliex m’hemmx alternattiva oħra għal tal-Labour. Daqshekk sempliċi. Dan l-argument la jagħmel sens u lanqas hu wieħed rilevanti. Iżda dan huwa l-uniku argument li għandu Adrian Delia. M’għandu xejn aktar x’joffri, la għandu l-persważjoni u lanqas il-kariżma li tista’ twassal lin-nies biex tagħti daharha lil tal-Labour. Kulma fadallu Adrian Delia fl-armarju tiegħu huwa t-theddid: ‘Tridu jew ma tridux, jien biss l-alternattiva.’
Agħtu daqqa t’għajn lejn l-intervista li Adrian Delia ta lil Kurt Sansone tal-Malta Today. Dan qal li bosta huma dawk li jinsabu rrabjati għall-fatt li x-xogħol li qed iwettaq hu wassal biex twarrbu Lawrence Cutajar, Chris Cardona u Konrad Mizzi. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma ħadu bis-serjetà. Iżda dak li stqarr ma daħħak lil ħadd. L-esperti tal-istorja lil Adrian Delia għad jikkunsidrawh bħala persunaġġ li jġib it-tbissim fuq ix-xufftejn u li jgħix fis-sħab. Għad ukoll jikkunsidrawh bħala persunaġġ traġiku.
Għaliex, huma x’inhuma d-dgħjufijiet li għandu, huwa l-pajjiż li qed ibati l-konsegwenzi. Matul l-intervista huwa stqarr li kieku kien prim ministru, kien ikeċċi lil Lawrence Cutajar mill-ewwel jum u li Robert Abela huwa bniedem indeċiż.
Robert Abela huwa tabiħaqq bniedem indeċiż għaliex jinsab liebes żarbun li ma jiġieħx, hu ġifa u giddieb u m’għandux l-esperjenza meħtieġa. Iżda ċertament Adrian Delia huwa l-aħħar persuna li għandu dritt li jikkritika lil Robert Abela b’indeċiżjoni. Delia ħa l-fama li jħobb jevita l-konfrontazzjonijiet. Min ħadem miegħu professjonalment fl-oqsma tal-isport u tal-politika jista’ jikkonferma li ma jaf juri nuqqas ta’ qbil ma’ ebda persuna.
Fil-grupp parlamentari tal-PN saru mill-inqas 50 laqgħa identika li fihom issejjaħ biex “jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu” – jiġifieri biex iwarrab u jħalli lil xi ħadd li hu aktar tal-lant biex imexxi floku. Għalkemm baqa’ jiggranfa mal-appoġġ ta’ segwaċi li, aktar ma igħaddi żmien, dejjem qiegħdin jonqsu, l-konklużjoni ta’ dawn il-laqgħat qed tkun identika kull darba: jistqarr li ser jaħsibha u jwiegħed li jagħtihom risposta.
U, m’għandniex xi ngħidu, din ir-risposta tibqa’ ma tasal qatt.
It-traġedja ta’ żminijietna tikkonsisti fil-fatt li l-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni hi neċessarja u rilevanti aktar minn qatt qabel. U minkejja dan u minkejja li mingħalih li t-tiġrif fil-Partit Laburista qed iseħħ sforz kemm qed jirsisti hu, Adrian Delia huwa totalment irrelevanti.
Mhux hekk biss. Il-pajjiż jixtieq jeħles minn dan il-gvern imxajtan iżda m’huwiex jara alternattiva. Qed jara xi ħaġa li taf tkun agħar minn tal-Labour.
Adrian Delia baqa’ jinsisti li, wara li kienet ġiet magħrufa l-identità tas-sid tas-17 Black, huwa qatt ma kien ikkomunika jew tkellem ma’ Yorgen Fenech. Iżda mbagħad imur jgħid li hu m’huwiex qed jiġi investigat dwar dan, ħaġa li weħidha turi li Adrian Delia qed igħix fis-sħab. Fil-politika, mhux permissibbli li wieħed jinsa’ u hi ħafna aktar faċli li wieħed jiftakar il-verità.
Chris Cardona, per eżempju, jaf li l-gideb wieħed ikun jeħtieġ li jiftakru. ‘Qatt ma dħalt fil-burdell. Qatt ma ħadt xorb mill-minibar. M’attendejtx għall-Grand Prix ta’ Monaco minn fuq dahar il-poplu. Lill-aħwa Degiorgio ma kontx nafhom. Qatt ma ltqajt mal-Fulu fil-Ferdinand Bar. Qatt ma rajtu f’festin privat. Mhux veru li ħallast flus biex tinqatel Daphne. Mhux bi ħsiebni nirriżenja. M’għamilt xejn ħażin.’
Bħalissa għandu jkollna seba’ mitt sena li naraw jitwarrbu lil dawk il-ministri kollha li tgħidx kemm kienu pubblikament għannqu lil Chris Cardona u li tgħidx kemm kienu xgħalu xemgħat max-xbihat tal-alla tagħhom Joseph Muscat u ma’ dawk ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Għandu jkollna seba’ mitt sena li nistmerru l-moralità falza ta’ Evarist Bartolo, l-qdusija falza ta’ Edward Scicluna, l-ksuħat bla tarf ta’ Ian Borg u l-immoralità kollettiva tal-membri nkompetenti kollha tal-kabinett li – jaħasra – qatt ma raw u qatt ma xammew xejn.
Bħalissa għandu jkollna seba’ mitt sena biex nassistu għar-riżenja qabel iż-żmien ta’ Robert Abela – l-uniku konsulent ta’ eks prim ministru fid-dinja li mingħalih ser ibellagħha li ma kien jaf b’xejn bid-delitti mwettqa mill-klijent tiegħu.
Suppost għandu jkollna seba’ mitt sena biex naraw dan kollu jseħħ, li kieku fin-nofs ma kienx hemm politiċi bħal Edwin Vassallo, Carmelo Mifsud Bonnici, Mario Galea, David Agius u Robert Arrigo li nistħajjilhom qishom ir-reffiegħa tal-vara mxaqqa’ ta’ Adrian Delia.
Din hi t-traġedja ta’ żminijietna.