Dakinhar li tal-Labour ħadu f’idejhom ir-riedni tas-setgħa fl-2013, l-hekk imsejjaħ skandlu taż-żejt fl-Enemalta kien għadu relattivament frisk fl-imħuħ. Din l-istorja feġġet frott ta’ investigazzjoni li kienet saret mill-Malta Today ta’ Saviour Balzan u li wasslet biex ittella’ l-qorti iċ-Chairman tal-Enemalta Tancred Tabone, fost oħrajn. Dawn kienu ġew mixlija li xxaħħmu minn aġent lokali ta’ fornitur taż-żejt u l-aġent innifsu kien ingħata l-proklama biex seta’ jixhed kontra kull min kien imdaħħal.

L-istorja telgħet fil-wiċċ għaliex ħut il-fornitur u sħabu fin-negozju kienu tħallew barra min-negozju korrott u ġaladarba ma kienux ser jitħallew jilgħabu, ddeċidew li jħassru. L-avukat tagħhom kien wieħed mill-kandidati tal-Labour għall-elezzjoni u l-istorja spiċċat ħarġet fil-beraħ.

B’xorti ħażina, l-każ għadu għaddej fil-qorti sal-lum u dan il-fatt jixhed in-nuqqas ta’ rieda jew tan-nuqqas ta’ ħila tal-pajjiż li jiġġieled il-korruzzjoni.

L-imġieba tal-gvern m’hix tgħin.

Ix-xhud li ngħata l-proklama xehed li kien ta rigali lil Ray Ferris, uffiċjal tal-Enemalta responsabbli għax-xiri taż-żejt. Kont tistenna li xi ħadd bħal dan kellu jinżamm il-bogħod għal għomru mis-servizz pubbliku. Iżda meta Konrad Mizzi kien ministru tat-turiżmu fl-2019, Ray Ferris inħatar bħala head of enforcement and compliance mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Araw ftit x’eżempju ngħata.

MaltaToday.com.mt - Tag

Ġaladarba tal-Labour kienu għamlu tant kjass (bir-raġun) dwar dak li kien seħħ fl-Enemalta taħt il-gvern ta’ qabel, wieħed kien jistenna’ li lill-Enemalta dawn kienu ser jagħmluha mudell tal-governanza tajba.

Dlonk tfaċċa Konrad Mizzi, l-Ministru tal-Enerġija. Dak li kien qed jaħmi minn wara l-kwinti mill-ewwel ġranet li kellu r-riedni tas-setgħa f’idejh ilu magħruf minn meta’ nkixef l-iskandlu tal-Panama fl-2016, iżda xi kultant ma nintebħux b’dak li jkun qed iseħħ taħt imneħirna stess.

Lill-Enemalta, Konrad Mizzi użaha bħala għodda għall-korruzzjoni tal-gvern. Teknikament Konrad Mizzi ma kienx għadu Ministru tal-Enemalta f’April 2016 meta kien tneħħa simbolikament minn dak il-ministeru wara li l-Panama Papers kienu kkonfermaw dak li kienet kixfet Daphne fi Frar ta’ dik is-sena.

Madankollu nħatar bħala ministu fi ħdan l-uffiċċju tal-prim ministru Joseph Muscat, li kien assuma r-responsabbiltà għall-Enemalta, u lil Konrad Mizzi kien tah inkarigu biex jieħu ħsieb il-“proġett speċjali” tal-power station il-ġdida. Il-bidla kienet waħda kożmetika għall-aħħar.

Keeping Konrad Mizzi against all odds?

Wara l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017, Joe Mizzi nħatar bħala ministru tal-Enemalta. Għal darb’oħra, l-ħatra kienet waħda simbolika. Joe Mizzi kien tlibbes żarbun li ma kienx jiġieh u kien biżżejjed għalih li seta’ jaqta’ ż-żigarelli u jippoża għar-ritratti. Fil-ministeru kien qiegħed hemm biss għat-tiżjin għaliex dan xorta waħda baqa’ jiġi mmexxi minn Konrad Mizzi. F’Jannar li għadda, Robert Abela ħatar lil Michael Farrugia bħala ministru tal-Enemalta u lil Konrad Mizzi u lil Joe Mizzi ma tahomx ministeru. Iżda Michael Farrugia huwa meqjus li hu qrib ħafna ta’ Joseph Muscat. Bniedem li serva l-interessi tal-klikka korrotta li mexxiet il-pajjiż meta kien ministru tal-pulizija. U hekk qed ikompli jagħmel taħt Robert Abela.

Bejn l-2013 u l-2019 l-iskandli komplew joħorġu fil-beraħ.

Il-gvern beda’ t-triq tiegħu kif kien bi ħsiebu jissuktaha u fl-2014 ta maħfra lil 1,000 negozjant li kienu xaħħmu uffiċjali tal-Enemalta meta bagħbsu bil-meter tad-dawl. L-impunità kienet ġiet istituzzjonalizzata.

Konrad Mizzi beda’ jindaħal direttament f’kuntratti kbar. Fl-2015 kien ġie kritikat mill-Awditur Ġenerali wara li dan ikkritika l-fatt li Konrad Mizzi kien indaħal f’kuntratt dwar il-hedging mas-Socar tal-Ażerbajġan. L-Awditur għamel kritika iebsa. Id-deċiżjonijiet ma kienux qed jittieħdu b’mod trasparenti u ma kienx hemm serħan il-moħħ li kienu fil-fatt il-kumitati tal-esperti li kienu qed jieħdu d-deċiżjonijiet u li ma kienux biss qed ibierku dak li jkun iddeċieda  Konrad Mizzi, li kien hu li kien jikkonkludi l-kuntratti b’mod sigriet.

F’Mejju 2016, Daphne Caruana Galizia kixfet li tan-Nexia BT kienu ħolqu kumpanniji offshore għal Cheng Chen, uffiċjal tal-Accenture, li kien innegozja x-xiri tal-ishma fl-Enemalta mix-Shanghai Electric mal-gvern Malti. L-istorja li kixfet Daphne kienet tat sinjal qawwi li l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta kienet waħda tinten.

Il-gvern imbagħad neħħa l-iskrutinju parlamentari fuq il-finanzi tal-Enemalta u kompla fetaħ il-bibien beraħ biex tkompli titkattar il-korruzzjoni.

Ir-rabta bejn tan-Nexia BT u Cheng Chen kienet ta’ sinjifikat għaliex, ftit xhur qabel, konna sirna nafu li tan-Nexia  BT kienu wkoll ħolqu kumpanniji għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi. U għal persuna oħra li l-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda li ma kienitx ta’ Joseph Muscat.

Fil-frattemp tan-Nexia BT kienu wkoll imdaħħlin f’kuntratt kbir tal-enerġija Enemalta li kellu jkopri 18 il-sena. Tan-Nexia BT kienu tqabbdu minn Konrad Mizzi biex ifasslu l-kundizzjonijiet tal-proġett u dan minkejja l-fatt li m’humiex inġiniera tal-Enemalta b’esperjenza f’dan il-qasam. Tan-Nexia BT wkoll ħadu ħsieb il-proċess tal-għażla u għażlu lill-konsorzju ta’ Yorgen Fenech mal-Ażerbajġan għal wieħed mill-akbar kuntratti pubbliċi fl-istorja. U dan minkejja l-fatt li kienu huma li ħadu ħsieb l-awditjar tal-accounts tal-kumpannija prinċipali ta’ Yorgen Fenech u tas-soċji tiegħu, jiġifieri l-familji Gasan u Apap Bologna.

Dan biss kien skandlu minn nnifsu. U dan l-iskandlu kien ġie dokumentat fid-dettall f’Novembru 2018 mill-Awditur li kien għamel kritika ħarxa dwar l-imġieba ta’ Konrad Mizzi. Konrad Mizzi kien serraħ rasu li l-biċċa l-kbira tal-poplu ser tiġi taqa’ u tqum mir-rapport tal-Awditur u allega li l-Awditur kien fil-fatt bierek l-indħil tiegħu u allura l-korruzzjoni li seħħet minn taħt.

M’għandniex xi ngħidu, il-kuntratt tal-Electrogas fetaħ il-bibien beraħ għall-korruzzjoni bla rażan.

Suppost l-Enemalta kellha tixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas u l-Electrogas kellha tagħmel l-arranġamenti tagħha għall-forniment taż-żjut. L-Electrogas kellha tixtri l-gass mingħand is-Socar tal-Ażerbajġan. Iżda l-kuntratt li sar mas-Socar ma kienx ġie ffirmat mill-Electrogas jew mill-Enemalta, kif wieħed għandu jistenna. Kien ġie ffirmat minn Konrad Mizzi nnifsu.

Dan il-fatt ħasad bil-kbir lill-investigaturi fi ħdan il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u dawn dlonk ħasbu li bil-provi li diġà kellhom il-pulizija kienet ser taqbeż fuq Konrad Mizzi. Wieħed jeħtieġ li jiftakar li fl-2015, l-Awditur kien diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt li, fejn jidħol il-kuntratt mas-Socar, l-imġieba ta’ Konrad Mizzi ma kienitx waħda aċċettabbli. Iżda dan kien biss il-bidu.

Il-pulizija ma ċċaqilqitx u baqgħet ċassa. U biż-żmien sirna nafu li l-kuntratt li Konrad Mizzi kien iffirma mas-Socar kien ser iġiegħelna nħallsu d-doppju, t-tripplu u sa seba’ darbiet aktar mill-prezz tas-suq għall-materja prima marbuta mal-konsum tal-enerġija.

Dan ma kienx biżżejjed. Minn investigazzjonijiet li saru mill-FIAU, li kienu ntefgħu taħt it-tapit, irriżulta li kien seħħ tixħim li kien intenzjonat għat-tgawdija ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri bis-saħħa tal-kuntratt tat-tanker tal-gass li jinsab ankrat qrib il-power station f’Marsaxlokk. Dan ma kien xejn ħlief skandlu ieħor ta’ korruzzjoni.

Photos of the week - Times of Malta

M’għandniex xi ngħidu, x-xaħam kompla joktor u tan-Nexia BT reġgħu kienu fiċ-ċentru ta’ kollox. Il-kuntratt ma’ Streamcast sewa’ lil Malta €5 million għal seed investment li ma kien xejn ħlief qerq. U fil-frattemp, hekk kif ir-riżorsi tal-Enemalta komplew jintremew il-baħar, tan-Nexia BT daħħlu kemxa ġmielha minn drittijiet fuq konsulenzi u riklami.

U biex tkompli tgħaqqad, issa smajna bl-iskandlu tal-Montenegro. Aktar kmieni llum irrappurtjna dwar kif, minn  dokumenti uffiċjali li ġew reġistrati f’Podgorica, jirriżulta li l-Enemalta kienet ħallset €3.5 miljun biex setgħet tixtri l-ishma ta’ kumpannija Spanjola li kienet is-sid tal-wind farm. Iżda mill-kotba tal-Enemalta jirriżulta li din kienet nefqet aktar minn €10 miljuni. Dan ċertament ma kienx xi żball tal-pinna.

Tar-Reuters u t-Times of Malta żvelaw li s-17 Black ta’ Yorgen Fenech kienet għamlet profitt ta’ €4.6 miljun wara li kienet ħallset flus biex il-kumpannija tgħaddi minn idejn is-sidien Spanjoli għal idejn l-Enemalta permezz ta’ kumpannija finta reġistrata fil-ġżejjer Seychelles li s-sid tagħha huwa s-soċju Ażerbajġani tiegħu fl-Electrogas Turab Musayev.

Dan il-ħmieġ kollu seta’ jkompli joktor għaliex l-Enemalta intużat bħala għodda minn grupp fdat ta’ ħallelin kompliċi.

Tul dan iż-żmien kollu, is-segretarju tal-bord tal-Enemalta kien Aron Mifsud Bonnici. Bniedem li hu wkoll l-avukat personali ta’ Konrad Mizzi li kien imdaħħal ukoll fil-kuntratt tal-Montenegro.

Konrad Mizzi claims breach of his right to fair hearing in Panama ...

Għal diversi snin l-Enemalta tmexxiet minn Frederick Azzopardi li mbagħad daħal floku l-veteran Kevin Chircop meta dan Azzopardi ngħata ħatra mad-dipartiment tat-toroq.

Iżda l-intriċċi mhux dejjem iseħħu fl-uffiċċju taċ-chairman. Il-fibra morali ta’ entità taf tiddgħajjef meta jittieħdu deċiżjonijiet minn politiċi u jinħatru persuni fi ħdanha li ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa.

Former police inspector Daniel Zammit

Nieħdu l-każ ta’ Daniel Zammit. Dan jiġi iben Ray Zammit, wieħed mill-Kummissarji li nħatar minn tal-Labour u li għadu msemmi sal-lum għar-reazzjoni tiegħu meta x-xufier tal-eks ministru Manuel Mallia qallu li kien spara fuq karrozza oħra fit-triq għaliex kienet saqet viċin wisq il-karrozza tal-ministru. “OK, Sieħbi!” kien qallu.

Boarded out' police inspector is son of Assistant Commissioner Ray ...

Daniel Zammit kien pulizija diżonest. Meta Daphne Caruana Galizia kient żvelat li Zammit kien xtara villa f’Ħ’Attard li ċertament ma setax xtraha bis-saħħa tal-paga ta’ pulizija li kellu, huwa spiċċa minn mal-korp bil-pensjoni. Iżda dan ma tħalliex joqgħod iħares. U Daniel Zammit ddaħħal mal-Enemalta biex jaħdem fost dawk li, meta kien għadu mal-pulizija, kien investiga u mexxa kontrihom talli kienu xxaħħmu b’rabta mal-ismart metres.

Oħra. Tiftakruh Raymond Aquilina? Ippermettli nfakkarkom. Fi Frar 2020 dan kien supretendent fid-dipartiment tal-pulizija u kien xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien xehed li kien jaħdem fi ħdan l-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus mill-2009. Kien ġie mistoqsi jispjega il-għala d-dipartiment tiegħu ma kien għamel xejn dwar ir-rapporti li kienet għaddewlha tal-FIAU dwar Konrad Mizzi. Huwa kien wieġeb li d-dokumenti kienu għaddew minn dipartiment għal ieħor u li ma kien sema’ xejn aktar dwarhom. Xehed ukoll li ma kienx jaf b’rapporti ta’ provi dwar l-imġieba ta’ rjus kbar fil-gvern.

Ftit jiem wara li xehed, Raymond Aquilina rriżenja mill-korp tal-pulizija wara 34 sena ta’ servizz.

Iżda ismu kellu jerġa’ jissemma’. Minn recordings li kien għamel Melvyn Theuma – wieħed mill-membri tal-konġura fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li ngħata l-proklama – jidher li dan kien ġie mgħarraf bil-quddiem li l-pulizija kien bi ħsiebha tarrestah. Kienu qalulu li kien ser jiġi arrestat fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li kien ser ikun interrogat minn Raymond Aquilina. Lil Melvyn Theuma kienu qalulu wkoll li ma kellux għalfejn joqgħod iħabbel rasu għaliex Raymond Aquilina huwa bniedem “all right”, li jfisser li kien fuq in-naħa tal-kriminali u li kien ser jeħles lil Melvyn Theuma wara li jkun taparsi interrogah. 

X’aktarx għaliex lil Raymond Aquilina waslitlu f’widnejh li mir-recordings ismu kien ser jissemma’ fil-qorti bħala persuna midħla tal-kriminali, huwa warrab mill-korp bil-kwiet. Fejn taħsbu li mar jaħdem Raymond Aquilina wara li telaq mill-korp tal-pulizija x’aktarx wara li kien għaddielu minn għala widnejh li ismu kien ser jissemma’ fil-qorti? Qtajtuha sewwa. Mal-Enemalta.

L-Enemalta għamluha refugium peccatorum. Konrad Mizzi, li kellu sehem ewlieni fit-tixħim u l-korruzzjoni fl-Enemalta, kien jeħtieġ persuni li seta’ jafdahom meta seħħet il-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta u minflok din ingħatat aktar awtonomija, lil Konrad mizzi tatu kontroll assolut.

Ta’ min isemmi li d-diretturi tal-Enemalta qed jonqsu minn dmirijiethom li jgħaddu lill-azzjonisti informazzjoni dettaljata u rendikont dwar l-imġieba tagħhom b’reazzjoni għall-iskandlu tal-Montenegro. Dawn id-diretturi wieġbu biss meta sarulhom mistoqsijiet mill-ġurnalisti jew minn Repubblika u ma ħadu ebda inizjattiva biex iżommu lill-pubbliku nfurmat.

Jista’ jkun li hemm raġuni għal dan kollu. Il-kelliem tal-Enemalta huwa Robert Debrincat. Dan ma kienx uffiċjal tal-Pulizija li issa qed jaħdem mal-Enemalta.

Oħroġ il-għaġeb dan kien l-editur tal-orizzont.