Qatt ma kien il-ħsieb tagħna li noqgħodu jdejna fuq żaqqna wara li warrab Joseph Muscat. Minkejja x-xettiċiżmu li ħassew, kienu bosta li fehmu li Robert Abela kien jistħoqqlu li jingħata ċans li jwettaq il-wegħdiet li kien għamel li jeqred l-impunità.

M’għandniex xi ngħidu, l-kliem bħaċ-ċirasa. Ta’ qablu kien stqarr li kien ser jagħmel minn kollox biex jikxef lil min qatel lil Daphne Caruana Galizia u dan minkejja l-fatt li, waqt li kien qed ilissen dan il-kliem, kien qed jirranġa ma’ sieħbu ċ-chief of staff biex jgħatti x-xtur.

Eżatt dan għamel Byron Camilleri meta lil Lawrence Cutajar taħ impjieg bħala konsulent u dan sabiex jiżgura li ħadd ma jsir jaf li l-kummissarju tal-pulizija kien tarraf bil-quddiem lil wieħed minn dawk suspettati li wettqu d-delitt dwar l-arrest imminenti tiegħu u saħansitra għaddielu dettalji dwar f’liema proprjetajiet il-Pulizija kienet ser tagħmel it-tfittxijiet biex tikxef provi u rabtiet mad-delitt.

Issa ilna ġimgħat sħaħ maqfulin fid-djar tagħna minħabba l-imxijja Covid-19 aħna u nassistu għal differiment wara l-ieħor ta’ proċeduri fil-qorti li tant irrabjaw nies lejn tmiem is-sena li għaddiet.

Fl-1 ta’ Ġunju bdew il-proċeduri tal-qorti u mill-fossa reġgħet bdiet ħierġa riħa tinten. Erġajna ħassejna niket għall-fatt li ma nistgħux inserrħu fuq l-istituzzjonijiet tagħna. Wara kollox tant hemm membri diżonesti tal-korp tal-pulizija mdaħħlin fil-każ li ftit fadal biżżejjed pulizija tal-affari tagħhom li jkunu jistgħu iwettqu l-arresti.

Il-bieraħ ħadna pjaċir naqraw li Melvyn Theuma u Yorgen Fenech kienu beżgħanin mill-konsegwenzi u dan fiż-żmien meta kienu għadhom qed jittamaw li l-ħbieb politiċi tagħhom u l-pulizija setgħu jiffrankawlhom li jiġu arrestati. Mingħajr ma ridt ftakart f’din ix-xena f’Macbeth li fiha l-ispettru ta’ Banquo jġiegħel lill-ħżiena jitwerwru quddiem il-mistednin għall-ikel.

Ftakart f’din ix-xena anki meta smajt ir-reazzjoni ta’ Byron Camilleri għall-protesta li saret illum wara nofsinhar. Qed jagħmel sforz biex jidher li jiġi jaqa’ u jqum.

‘Tippanikawx,’ tistħajjlu qed jgħid. ‘kollox sar apposta.’

Mhux hekk, Byron!

Tgħid għandek xi nostalġija għall-eqqel żmien tal-imxijja meta l-attivisti kellhom jinqaflu f’darhom jew inkella għaż-żmien meta lill-attivisti rajthom isegwu l-passi ta’ Owen Bonnici u ta’ Konrad Mizzi filwaqt li int, bi tbissima fuq fommok, stennejt sakemm waslitlek is-siegħa tiegħek.

Is-siegħa waslet, Byron. U aħna erġajna ninsabu hawn.

Photos: Robert Agius.