Fit-tieni parti tal-intervista mxandra l-bieraħ li Joseph Muscat għamel mat-Times of Malta, Keith Schembri ssemma’ kemm il-darba.

Din l-intervista ma kienitx biss dwar il-fatt li Keith Schembri kien iċ-chief of staff tiegħu, li dan kien inkixef bħala s-sid ta’ kumpannija fil-Panama li għal ġo fiha kellhom igħaddu flejjes mħallsin minn  Yorgen Fenech, li seta’ kien dak li għadda informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li ġie mixli b’tixħim, korruzzjoni u ħasil ta’ flus maħmuġin u l-bqija.

Keith u jien forsi konna qtajna ftit mill-kuntatt minn ma’ xulxin. Meta smajt dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tiegħu, erġajt għamilt kuntatt miegħu għax ridt nara kif inhu. Dwar kif inhu u mhuwiex …

Meta l-aħħar li kellimtu?
Il-ġimgħa l-oħra.

Kont qtajt il-kuntatt miegħu għax ħassejt li tradiek?
Kont qtajt il-kuntatt miegħu.

Ma tridx tgħidli …
Kont qtajt il-kuntatt miegħu u naħseb li s-sitwazzjoni li għaddej minnha hija dik is-sitwazzjoni.

M’għandix informazzjoni dwar l-istat attwali ta’ saħħet Keith Schembri. Naf biss li m’huwiex jattendi l-qorti minħabba raġunijiet ta’ mard. Madankollu, hi u tvara mill-ġdid in-negozju tagħha, martu jidher li hi friska bħal ħassa. Għaldaqstant ma nistax inkun ċert dwar dak li qed iseħħ.

Fuq kliem Joseph Muscat, wieħed ċertament ma jistax joqgħod. Iżda minn dak li stqarr l-eks prim ministru dwar sieħbu, jidher li Joseph Muscat kien jeħtieġlu jerġa’ jibni pont ta’ komunikazzjoni ma’ Keith Schembri.

Joseph Muscat stqarr li lil Keith Schembri kien kellmu “l-ġimgħa li għaddiet” minkejja l-fatt li jista’ jidher ikrah jekk ma jibqax iżomm il-bogħod minnu.

Kien hemm min ikkritika l-fatt li tat-Times of Malta għażlu li jagħtu lill-iskreditat Joseph Muscat din l-attenzjoni kollha. Ma naqbel xejn ma’ din il-kritika. Ġurnal serju m’għandu qatt jitlef opportunità li jagħmel intervista lil bniedem skreditat għaliex hu fl-interess pubbliku li nkunu nafu x’ikun għaddej minn moħħu. Ġurnalist tal-affari tiegħu m’hux ser jitlef opportunità li jintervista, ngħidu aħna, lil Bashar al-Assad, Omar al-Bashir, Ratko Mladic, Alieu Kosiah, Donald Trump, Jair Bolsonaro jew Felicien Kabuga.

Meta wieħed jiġi biex jieħu deċiżjoni dwar għandhiex issir intervista jew le, m’hemmx differenza bejn dawk li huma meqjusa bħala persuni skreditati u dawk li m’humiex. Min jaċċetta li jiġi intervistat jagħmel dan għax ikun jaqbillu li jiġi intervista u din m’hix raġuni biżżejjed li għandha twassal biex l-intervista ma ssirx.

Nifhem li tat-Times of Malta ilhom għal żmien twil jitolbu li ssir intervista lil Joseph Muscat. U kien proprju issa li aċċetta għaliex ried iwassal messaġġ lil min ma jridx jibqa’ jagħtih widen.

Ta’ min jinnota li Muscat m’għadx għandu aċċess għall-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista. Fil-bulettin tal-aħbarijiet tagħhom, tal-One TV lanqas biss semmew l-intervista li Joseph Muscat ta lil tat-Times of Malta. Għalihom din l-intervista ma saritx u huwa ċar li dawn interpretaw l-intenzjonijiet ta’ Joseph Muscat bil-mod li nterpretahom kważi kulħadd.

Permezz tal-ewwel parti tal-intervista, Joseph Muscat ried li jibgħat messaġġ lil Robert Abela.

U t-tieni parti jidher li saret għal widnejn Keith Schembri.

Keith Schembri wasal fl-aħħar? Din il-mistoqsija mhux qed nagħmilha biex nagħti x’nifhem li fil-fatt wasal biex imut. Iżda huwa appuntu dan li taw x’jifhmu kliem Joseph Muscat.

Qabel saħħet Keith Schembri marret għall-agħar, Joseph Muscat ma ħasibhiex darbtejn li jaqta’ kull rabta minn miegħu. X’aktarx ikkalkula li, għalkemm ma baqgħux ħbieb, kien għad għandhom interessi komuni x’iħarsu. U li kien jeħtieġ li jkomplu jgħattu lil xulxin u għaldaqstant kien jeħtieġ li jerġgħu jibdew jitkellmu biex jaraw kif l-aħjar iħarsu l-interessi tagħhom.

Iżda min ikun wasal f’xifer il-mewt ser jibqa’ jirraġuna bl-istess mod? Min ikun ġie mixli f’qorti bi twettiq ta’ reati kriminali u min ikun ġie kundannat mill-qorti tal-opinjoni pubblika ser jibqa’ jissielet mar-realtà? Jew ser jasal biex jaċċettaha u jintebah li mhux ser ikollu l-opportunità li jgħid tiegħu quddiem il-qorti, li jiġġustifika l-għemil tiegħu ma’ uliedu u li jiżgura li dawk li huma kompliċi ma jitħallewx iwaħħlu kollox fuqu?

X’kienet ir-raġuni vera li Joseph Muscat reġà beda’ jkellem lil Keith Schembri? Reġa’ kellmu biex jurih li għadu lejali lejh? Jew inkella għaliex qed jibża’ li sieħbu ma jridx li jkun magħruf fl-istorja bħala l-persuna li kien responsabbli waħdu għar-reati kriminali li kien wettaq ħaddieħor?

Milli jidher Joseph Muscat ried li Keith Schembri jaqra’ dak li huwa stqarr il-bieraħ fl-intervista. Kien bħallikieku ried iwassallu l-messaġġ li hu baqa’ sal-lum jiddefendih bħalma kien jagħmel dari meta kien għadu f’Kastilja.

Bħallikieku wkoll ried iserraħlu rasu li ser jibqa’ jaqbeż għalih u jagħtih il-kenn biex b’hekk uliedu jemmnu li missierhom ma kienx ħalliel iżda vittma tal-mibgħeda tal-avversarji politiċi.

Lil Keith Schembri, Joseph Muscat bħal donnu ried igħidlu li mhux ser ikun hemm il-ħtieġa ta’ qrara meta jkun wasal f’xifer il-mewt u li m’għandux għalfejn jagħmel paċi mal-kuxjenza. Għaliex, anki wara li jħalli din id-dinja, hu ser jibqa’ jiddefendih.

Lil Joseph Muscat, Keith Schembri jafu sewwa. Jaf sewwa li l-altruwiżmu ta’ Muscat għandu l-limiti. Kif inhi wkoll limitata l-lejaltà tiegħu meta jsib ruħu b’dahru mal-ħajt. Keith Schembri jaf sewwa li Joseph Muscat jasal biex jarmik sakemm jintebah li jkun jaqbillu li jerġa’ jiġbrok u jsir ħabib tiegħek mill-ġdid.

M’għandniex xi ngħidu, l-Imħallfin tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kellhom raġun biex ibiegħu. Kienu l-imminar tal-istituzzjonijiet u l-mod kif ġiet eżerċitata s-setgħa li wasslu għall-ħmieġ inkallat li ġie mgħarraq fih il-pajjiż u għall-kultura ta’ impunità li nħolqot grazzi għall-għemil ta’ numru ta’ ġwejjef u l-kompliċi tagħhom.

Dak li seħħ f’pajjiżna seħħ ukoll għaliex id-destin tagħna ntrabat mad-destin ta’ allat foloz li l-ewwel priorità tagħhom kienet buthom. Dan id-diżastru seħħ għaliex ir-riedni kien f’idejn Joseph Muscat.

L-istorja vera ta’ Joseph Muscat għad trid tinkiteb.

Min jaf Keith Schembri għadx jitħajjar jiktibha hu sakemm għadu mimli bil-għomor?