M’hemmx għami akbar minn dak li ma jkunx irid jara.
Bħala gvernatur tal-Bank Ċentrali, xogħol Edward Scicluna jikkonsisti fit-tbassir tax-xejriet ekonomiċi u fit-teħid ta’ passi bil-għan li l-ekonomija tibqa’ timraħ fil-wiċċ u ma tegħriqx. Ikun jeħtieġ li jmexxi bank li jkollu l-fiduċja tal-banek. Huwa l-għassies tal-ġid ta’ pajjiżna. Xogħlu hu li jagħmel riklam tajjeb lill-pajjiż.
Edward Scicluna jidher li m’għandux il-ħila jifhem li l-kariga li għandu xejn ma tixraqlu. Minkejja l-għerf akkademiku li għandu u minkejja l-esperjenza tiegħu – anki jekk forsi kellu intenzjonijiet tajba – il-kariga li jokkupa qed tagħmel ħsara kbira lil Malta bħala ċentru finanzjarju.
Dan mingħalih li aħna m’għandniex grazzja miegħu u nikkritikawh għaliex kien iddeċieda li jkun kandidat mal-Partit Laburista. Ħadd qatt ma ddubita ma’ liema partit iżomm Edward Scicluna, anki jekk dan kemm-il darba pprova jagħti impressjoni mod ieħor. Forsi minħabba l-kredenzjali akkademiċi li għandu, kien hemm min eżaġera xi ftit l-importanza tiegħu u bis-saħħa t’hekk leħaq f’pożizzjonijiet li forsi ma kienux jixirqulu.
Dan mingħalih li aħna nsemmu dawn l-affarijiet għaliex għandna xi għira għas-suċċessi tiegħu jew għaliex ħadniha kontrih talli, fi xjuħitu, ħareġ għall-politika ma’ Joseph Muscat.
Il-karriera ta’ Edward Scicluna suppost intemmet għal raġunijiet totalment differenti. Dan għaliex, ma’ kull problema li tfaċċat tul iż-żmien li għamel bħala Ministru tal-Finanzi, qed jerġa’ jkollu jiddefendi l-għemil tiegħu u bis-saħħa t’hekk qed iniżżel miegħu fil-qiegħ ir-reputazzjoni tal-Bank Ċentrali.
Din il-ġimgħa faqqgħet kriżi oħra hekk kif ixxandru l-konklużjonijiet tal-FIAU dwar l-operat tal-Pilatus Bank fl-2018 u hekk kif tressqu l-qorti kemm il-Bank kif ukoll waħda miż-żewġ uffiċjali għoljin li kellu li hi residenti f’Malta.
Edward Scicluna ħareġ bilġri jgħid li hu qatt ma kien iddefenda lil tal-Pilatus Bank. Għaliex mid-dehra, Edward Scicluna mingħalih li xogħlu dak iż-żmien bħala Ministru responsabbli mill-industrija tas-servizzi finanzjarji kien jikkonsisti biss f’għażla bejn kellux jiddefendi jew le l-ħasil bla tarf ta’ flejjes li kien għaddej taħt imnieħru.
Anki li kieku kellna naċċettaw l-iskuża li ġab fis-sens li hu qatt ma ħareġ jiddefendi l-Pilatus Bank – skuża li, kif bi ħsiebni nispjega aktar ‘il quddiem, ċertament m’hix aċċettabbli – jista’ forsi jgħidilna x’kien għamel dwar il-Pilatus Bank minflok jagħti lista qasira ħafna ta’ dak li naqas li jagħmel? Ċertament ma jistax jagħmel dan. Għaliex il-fatti juru li baqa’ m’għamel xejn.
U dwar il-punt li qatt ma ddefenda l-Pilatus Bank, nistaqsi: Edward Scicluna tassew jemmen dak li jlissen? Nesa’ Edward Scicluna kemm-il darba għadda biż-żmien, kemm-il darba żelaq daqs bużullieqa u kemm-il darba attribwixxa malafede lill-ġurnalisti, lill-attivisti u lill-politiċi tal-Oppożizzjoni, dan kollu għaliex dawn baqgħu jinsistu li l-Pilatus Bank ma kienet xejn ħlief makna tal-ħasil tal-flus għall-ħallelin u għall-korrotti tal-Ażerbajġan li huma ħbieb tal-qalb ta’ wħud mill-kollegi tiegħu tal-Kabinett?
Nesa’ Edward Scicluna li lil ċertu ġurnalist kien qallu li kellu suspett li rapporti miktubin mill-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu kienu nkitbu biex jiġu mxandra baxx baxx u dan biex jaġevolaw lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista? L-għada li Ali Sadr kien ġie mixli fl-Istati Uniti, nesa’ Edward Scicluna kemm kien qam jiġri fil-Parlament biex iserrħilna rasna li l-akkużi ta’ frodi bankarja kontra sid il-Bank ma kellhomx għalxiex jixħtu dell ikrah fuq l-Pilatus Bank?
Meta ġurnalist staqsieh x’kien ser jiġri bil-liċenzja tal-Pilatus Bank, nesa’ Edward Scicluna kemm kien ilmenta li mistoqsijiet bħal dawn għodu għodu ma kinux f’lokhom?
Meta fl-2016 l-FIAU ikkonkludiet li fil-Pilatus Bank kien seħħ ksur sistematiku tal-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus, Edward Scicluna kien il-Ministru tal-Finanzi. Meta fl-2017 Daphne Caruana Galizia kitbet li l-Pilatus Bank ma kien xejn ħlief magna tal-ħasil ta’ flejjes għall-ħallelin u għall-korrotti, Edward Scicluna kien il-Ministru tal-Finanzi. Fl-2018 meta sid il-Bank kien ġie mixli fil-qorti fl-Amerika u dakinhar li interveniet l-Aġenzija Bankarja Ewropea u ordnat l-għeluq tal-Bank, Edward Scicluna kien il-Ministru tal-Finanzi. Fl-2019, meta ftit kienu dawk li kienu għadhom jiddubitaw li l-Pilatus Bank kienx biss makna għall-ħasil ta’ flejjes u meta kull dubju li seta’ kien spiċċa biex tar mar-riħ wara li tlestew l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dak iż-żmien, Edward Scicluna kien il-Ministru tal-Finanzi.
Tul dak iż-żmien kollu, x’għamel Edward Scicluna? Qal xi ħaġa jew ħa xi azzjoni, kienet x’kienet, biex jiffranka lil Malta l-ħsara li saritilha lir-reputazzjoni tagħha sforz l-għemil tal-Pilatus Bank?
M’għamel assolutament xejn, baqa’ ma qal xejn u qatt ma ġiegħel lil min jagħmel jew jgħid xi ħaġa. Qagħad biss iċiċċi b’idejh fuq żaqqu. Kien qisu xadina jiekol il-karawett fuq it-tarġa tal-bieb ta’ barra tal-kitchen cabinet ta’ Joseph Muscat.
Mhux biss għaliex ma kellux idea x’kien qed jiġri. Li kieku żamm ruħu ‘l bogħod mill-għemil tal-Pilatus Bank, Edward Scicluna kien jaf li kien ser inaqqas mill-kredibilità ta’ Joseph Muscat. U kien ikompli jġenġillu d-diska li kien il-vittma tal-“ikbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta” minħabba l-allegazzjonijiet li l-Pilatus Bank kien qed jgħattilu xturu.
Issa jista’ jagħti l-każ li Edward Scicluna ma kienx jaf bil-fatti kollha dwar Egrant u x’kien jaf il-Pilatus Bank dwar Egrant. Imma li hu ċert hu li ma kienx lest li jieħu riskju u jippermetti lil ħaddieħor li jsir jaf.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Edward Scicluna għandu jżomm ruħu ’l bogħod kemm jista’ jkun mill-ħajja pubblika daqs kemm jien għandi bżonn inżomm ruħi ‘l bogħod mill-konsum tal-ħelu. U issa, Edward Scicluna qed ikollu jirrikorri għall-gideb biex jiddefendi lilu nnifsu mal-ġurnalisti kull darba li dawn jistaqsuh dwar ir-responsabbiltajiet li kellu fuq spallejh tul l-aħħar tmien snin. Imissu ilu li rtira mix-xena.
Sadattant qed iservi ta’ piż fuq il-Bank Ċentrali u fuq l-pajjiż kollu minħabba r-rabta li għandu ma’ żmien Joseph Muscat.
B’xorti ħażina, l-gvern ta’ Muscat ħalla warajh wirt tossiku ta’ Bank Ċentrali mmexxi minn Edward “uejjacomeon” Scicluna.