Aġġornata bil-kummenti tal-President tal-IĠM Matthew Xuereb. (10:36)

Emails mibgħutin lil xi mezzi tax-xandir il-lejl li għadda, taparsi mibgħuta mill-kont tal-email ġeneriku ta’ Lovin’ Malta, jinkludu links li jwasslu għal website falz ta’ Lovin’ Malta li fih wieħed għandu jsib artiklu li jipprova jiskredita lid-Deputat tal-Oppożizzjoni u l-avukat parte civile tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi.

Din l-email falza ntbagħtet ftit minuti wara nofsillejl li għadda.

Sadattant xi individwi baqgħu jirċievu telefonati ta’ fastidju lejl u nhar. Jason Azzopardi stqarr li huwa rċieva numru ta’ telefonati permezz numru privat qabel, fil-ħin u wara li ntbagħtet dik l-email falza. Meta huwa wieġeb it-telefonata, min ċempel għamel tabirruħu li kien qed iċempel mill-kwartier ġenerali tal-pulizija. Permezz ta’ żewġ telefonati oħra, min ċempel daqq siltiet minn recordings ta’ diskorsi pubbliċi li kont għamilt jien.

Jien ukoll irċievejt telefonati anonimi ta’ fastidju minn numru privat matul il-lejl. It-telefonati bdew ftit qabel il-11pm, komplew sas-sagħtejn ta’ filgħodu, u reġgħu bdew fit-8 dalgħodu.

Il-President tal-IĠM, Matthew Xuereb, li hu wkoll Assistent Editur tat-Times of Malta, qalli li hu wkoll kien irċieva ħafna telefonati ta’ fastidju matul il-lejl li għadda.

Dwar dawn l-inċidenti sar rapport lis-cybercrime unit tal-pulizija.

Il-President Matthew Xuereb qalli: “Nistenna li l-pulizija jinvestigaw dan il-fastidju fil-konfront tal-ġurnalisti kif ukoll l-attentati biex jinfluwenzawhom f’xogħolhom. Il-mobile ma waqafx idoqq  u dawn it-telefonati bdew fil-11 pm u komplew kważi sas-sagħtejn ta’ filgħodu. Irċevejt ukoll messaġġ fuq il-WhatsApp minn numru Amerikan kif ġej: ‘Jason (Azzopardi) jieħu l-kokaina’. Dan il-fastidju jeħtieġ li jieqaf. Ħalluna nagħmlu xogħolna.”

Il-ġurnalist Christophe Schweiger ukoll għamel rapport lill-IĠM: dan stqarr li rċieva diversi telefonati ta’ fastidju il-lejl li għadda. Schweiger qalli: ” B’xorti ħażina, bħall-kollegi Manuel Delia u Matthew Xuereb jien ukoll irċievejt ħafna telefonati anonimi. Il-kritika kostruttiva jien naċċettaha. Iżda l-fastidju fil-konfront tal-ġurnalisti, jien nirreżistih. Biħsiebni nkompli nikkopera mil-pulizija fl-investigazzjonjiet li qed jagħmlu.