Il-klabbijiet tal-futbol ma jistgħux jiddejnu. L-NGOs huma obbligati jagħtu rendikont lir-regolatur ta’ kull ewro li jdaħħlu u li jonfqu. Kull min iħaddem huwa obbligat b’liġi li jnaqqas dak li huwa dovut bħala taxxa mis-salarju tal-impjegati.
Kien il-Parlament li għadda dawn il-liġijiet. U huma l-membri parlamentari li jifformaw parti mill-partiti politiċi.
U huma l-partiti politiċi li qed igawdu mill-eżenzjonijiet jew addirittura jiksru l-liġi.
Dalgħodu, Robert Abela qal lit-Times of Malta biex ma jistaqsuh xejn dwar il-Partit Laburista qabel sar il-kap hu. U għala le? Daqshekk faċli issa biex kumpannija tevadi l-kontabbiltà fiskali? Tbiddel il-mexxej u barra bid-daqq?
Jista’ jagħti l-każ li Robert Abela mhuwiex personalment responsabbli għan-nuqqasijiet tal-partit tiegħu qabel inħatar mexxej, iżda bħala kap tal-partit huwa fid-dmir li jagħtina t-tweġibiet kollha.
Hu jrid ikun li jagħtina t-tweġibiet. Robert Abela spiss ilablab dwar il-libertà tal-istampa daqslikieku tassew jemmen fiha. Iżda meta Jacob Borg staqsieh xi ħaġa li ma daqqitlux għal widnejh dwar dokumenti li juru li Yorgen Fenech kien se jgħaddi somma flus lill-Partit Laburista bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, huwa wieġeb bħas-soltu. Qal li dawn kienu biss “allegazzjonijiet” u jekk it-Times of Malta kellha l-“provi” kellha tgħaddihomlu biex ikun jista’ jarahom.
Jgħid li hu mhuwiex responsabbli għal dak kollu li seħħ qabel inħatar mexxej tal-partit. Iżda li hu żgur hu li qed ilissen l-istess kliem tal-predeċessuri tiegħu.
Bernard Grech ukoll kien xott daqs frawla hu u jwieġeb lil Jacob Borg. Bħal Robert Abela, ma setax jiċħad li l-partit tiegħu wkoll kien qed jonfoq l-flus li jkunu tnaqqsu mis-salarji tal-impjegati għall-ħlas tat-taxxa minflok jgħaddihom lill-gvern.
Kemm? Staqsa Jacob Borg. “Kunfidenzjali” wieġeb Bernard Grech. X’inhu? Mela din xi kwistjoni ta’ natura kummerċjali? Jaqaw il-PN daħal għal xi negozju li ma nafux bih u li jinkludi l-evażjoni tat-taxxa?
Iż-żewġ mexxejja tal-partiti ewlenin, jekk ikunu jridu, jistgħu jġibu bidla politika fil-pajjiż. Dawn qed imexxu partiti falluti f’sistema falluta imsejsa fuq l-evażjoni tat-taxxa u fuq il-krib għall-flus mingħand min jevadi t-taxxa. Qed imexxu partiti li huma vulnerabbli għar-rikatti tas-sinjuruni u li jżommulhom fil-wiċċ bis-saħħa ta’ flus li jibdlu l-idejn baxx baxx.
Jekk irid, Robert Abela jista’ jibdel lil din ir-realtà. Bernard Grech ma jistax jagħmel dan, iżda għallinqas jista’ jwiegħed bidla. Minflok, Abela qed iwiddeb lill-ġurnalisti minħabba l-“allegazzjonijiet” tagħhom u Bernard Grech qed jaħrab mill-mistoqsijiet bl-iskuża fjakka ta’ “kunfidenzjalità”.
Iriduna nkunu l-bidla. Sa hawn kollox sew. Il-biċċa l-kbira tal-poplu tħallas it-taxxa, il-bolla u tiddikjara dak kollu li taqla’. Aħna ċittadini li noqogħdu għal-liġijiet u ma tantx hemm wisq x’nagħmlu aktar fl-interess taċ-ċittadini l-oħrajn.
Tgħid lill-partiti politiċi qed nitolbuhom wisq jekk nitobuhom li huma wkoll ikunu l-bidla li tant hi meħtieġa?