Ngħidha bla tlaqliq. Forsi iva, kieku kienet għadha ħajja, kien ikollha ġustifikazzjoni totali. Iżda r-raġun la ser igħin lilha u lanqas lil qrabatha għat-telfa li se jibqgħu jsofru għal għomorhom.
Tifkira żgħira li #DaphneWasRight 🌿 @occupyjusticema @Manwel_Delia pic.twitter.com/xK5ktvhRz8
— repubblika 🇲🇹 #JusticeForDaphne 🌿 (@repubblikaMT) September 2, 2021
Inxebbagħ lil bosta persuni maċ-ċagħaq. L-ilma jilħaqhom, ixarrabhom, idur magħhom u jegħriqhom. Iżda ma jistax jidħol fihom. Dawn lanqas illum stess m’huma ser jaslu biex jammettu, imqar magħhom infushom, li Daphne Caruana Galizia kellha raġun.
Daphne ma kinetx qatgħet xi sigriet miktub f’xi invilopp li kien għadu kemm infetaħ. Dawn għaddewha minn infern f’din id-dinja talli ppruvat tiftħilna għajnejna dwar dak li kien qed jiġri fil-Bank.
Kull darba li jiġu quddiem għajnejja dawk ir-ritratti ta’ Ian Abdilla dieħel u ħiereġ mill- Pilatus Bank waqt l-inkjesta Egrant, demmi jsir ilma. Ftakru li dan kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li dan il-Bank kien qed jintuża minn Joseph Muscat għat-tixħim u għall-korruzzjoni.
Hi x’inhi l-fehma tiegħek dwar il-konklużjonijiet ta’ dik l-investigazzjoni, il-qofol jibqa’ li Ian Abdilla injora għal kollox ir-reati kriminali serji li twettqu u li issa qed tikkunsidrahom il-qorti.
Tgħidx kemm ibbrillaw il-pulizija f’xogħolhom, hux? Biex jiġġustifika ruħu jaf jgħidilna li kienu bagħtuh biss fil-Bank biex isir jaf Egrant kinitx ta’ Michelle Muscat jew le. X’kien jagħmel li kieku l-Kummissarju bagħtu jiġbor xi pinna u minflok sab skoss iġsma mal-art fil-kamra fejn sab il-pinna? Kien jgħid li ma kienx xogħlu li jinvestiga?
Dawk il-ġurnali u mezzi tax-xandir li tkellmu dwar xogħol Daphne Caruana Galizia kellhom raġun, anki jekk għal xi żmien kellhom iħassru l-artikli meta Ali Sadr heddidhom permezz tal-avukati pampaluni Amerikani tiegħu.
David Casa wkoll kellu raġun meta bagħat javża lill-Aġenzija Bankarja Ewropea u dan minkejja l-fatt li tal-FIAU kienu ddikjaraw li fil-Pilatus Bank kollox kien miexi ħarir.
Dawk li marru biex jipprotestaw kellhom raġun jinsistu li l-Pilatus Bank kellu jingħalaq u kellu jitwaqqaf il-ħasil ta’ flus li, mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn, Joseph Muscat kien għalaq għajnejh għalih.
Aħna kellna raġun.
Dawk il-ġenji li ċċelebraw ir-rebħa Laburista fuq it-taraġ tal-Pilatus Bank kienu żbaljaw. Iżda dan qatt mhuma ser jammettuh. Dawn għadhom sal-lum konvinti li Daphne kienet qed tigdeb. Ser ikomplu jgħidu li dawk il-politiċi u attivisti li insistew li tittieħed azzjoni kriminali huma biss klikka ta’ Nazzjonalisti ndannati.
Cagħaq. Kollha kemm huma.
Ta’ min ifakkar li bix-xiljiet fil-qorti biss ma sseħħx il-ġustizzja. Ċertament huma pass neċessarju. Iżda kemm inħela żmien! Dan iż-żmien kollu, dan id-dewmien, serva biss biex jgħin lill-akkużati li jippruvaw jgħadduha lixxa. Naħseb li m’iniex żbaljat naħseb li ser ikollhom igħaddu ħafna snin qabel jintemm il-każ li nbeda llum.
Biex ngħidha b’mod pulit, pajjiżna m’għandux il-mezzi biex jiġġieled kif għandu jkun lill-kriminali l-kbar.
U b’mod inqas pulit ngħid li, qabel u wara l-arrest tagħhom, għandna l-vizzju ikrah li nħallu l-kriminali jkomplu jaħxuna.