Sayed Ali Sadr Hashemi Nejad, permezz tal-kumpannija Alpene Limited irreġistrata f’Hong Kong, għadu kemm għamel ilment kontra Malta fl-International Centre for the Settlement of Investment Disputes tal-Bank Dinji.

L-ilment, li ġie preżentat f’Lulju li għadda, jgħid li Pilatus Bank itteħidlu minn taħt idejħ b’mod abbużiv u dan wara li kien ġie mixli fl-Istati Uniti talli kiser sanzjonijiet kontra l-Iran fi żmien qabel twaqqaf il-Pilatus Bank. Skont Ali Sadr, Malta ħatfet il-Bank minn taħt idejħ u l-mod li bih intagħżel l-amministratur biex imexxih wara li ttieħidlu, wassal għal tberbiq u qerq.

Il-kumpannija ta’ Ali Sadr qed tgħid li l-amministratur tal-bank li intagħżel mill-gvern, jiġifieri Lawrence Connell, kien intagħżel mill-konsulent Amerikana Elizabeth McCaul, residenti f’New York, u skont Ali Sadr, persuna li hi qrib l-ex Chairman tal-MFSA Joe Bannister.

Ali Sadr qed igħid ukoll li Lawrence Connell kien qabbad konsulenti u ħallashom flejjes kbar mill-bwiet tal-Pilatus Bank. Dawn jinkludu d-ditta legali Mamo TCV li kienet tqabbdet wara li warrab l-avukat ta’ Pilatus Bank Louis Degabriele. Ali Sadr jallega li l-għażla ta’ Mamo TCV kellha x’taqsam mal-fatt li wieħed mill-fundaturi tad-ditta legali inzerta li hu John Mamo, ċ-Chairman tal-MFSA.

Ali Sadr jgħid li l-ġid konsiderevoli tal-Bank qed jinżamm fil-Bank Ċentrali ta’ Malta wara li kienet saret esproprijazzjoni msejsa fuq l-akkuża li saret kontrih kontrih fl-Amerika u dan talli allegatament kien kiser is-sanzjonijiet. Imma minn dak iż-żmien ‘l hawn, qorti federali Amerikana ħelsitu mill-akkużi. Ali Sadr qed jgħid li safa’ vittma ta’ abbuż ġudizzjarju.

Din l-azzjoni tal-Bank Dinji saret indipendentement mill-kawża li nfetħet f’Malta mid-diretturi l-oħra tal-Pilatus Bank kontra l-MFSA li wkoll qed ifittxu bil-qorti biex jieħdu lura l-bank.

Dettalji tal-każ quddiem it-tribunal internazzjonali tal-arbitraġġ jirriżultaw mir-rikors li għamlet il-kumpannija ta’ Ali Sadr f’Hong Kong f”każ separat fi New York li fih qed jitlob lill-qorti tordna lil Elizabeth McCaul – il-persuna li Ali Sadr igħid li għażlet l-amministratur tal-Bank – biex tixhed biex mbagħad ikun jista’ juża din ix-xhieda fil-każ tal-Bank Dinji.

Fitrattazzjoni li saret quddiem il-qorti ta’ New York, ma ssemma’ xejn dwar dak li nkixef mill-investigazzjoni li saret mill-FIAU f’Malta dwar ħasil tal-flus sistematiku li kien seħħ f’Pilatus Bank. Ir-riżultat tal-investigazzjoni xxandar il-bieraħ flimkien mal-aħbar li tal-FIAU waħħlu tmulta ta’ €5 miljuni.

Skont it-Times of Malta, numru ta’ ex uffiċjali għolja tal-Pilatus Bank mistennija jitressqu l-qorti fi ftit sigħat oħra. Il-ġurnal ma qalx jekk Ali Sadr innifsu hux se jiġi mressaq għalkemm għamel riferenza għal xi mandati ta’ arrest internazzjonali li qed jitħejjew b’rabta ma’ dan il-każ.