Il-bieraħ in-Nutar Myriam Spiteri Debono għamlet diskors quddiem il-mafkar tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-anniversarju ta’ tmiem tal-assedju tal-1565 .

Myriam Spiteri Debono hi l-unika mara li qatt serviet bħala Speaker tal-Parlament Malti u hi veterana tal-Partit Laburista.

Id-diskors tagħha ma ġiex imxandar mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Hi għalqet id-diskors tagħha b’sensiela ta’ riferenzi għal Daphne Caruana Galizia:

“Pajjiżna diġà għadda minn żminijiet li kienu ta’ sfida.

“Meta nxtered id-demm ta’ Raymond Caruana u Karin Grech, dawn kienu vittmi tas-sitwazzjonijiet prevalenti li fih il-mewt ħasdithom. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien differenti – qtil aħrax u makbru. Mill-indaġni li saru sa issa, jidher li l-mewt tagħha kienet mewt intenzjonata għaliha, motivat minn determinazzjoni li jagħlqulha ħalqha. Eżekuzzjoni marbuta mill-qrib ma’ xogħol investigattiv fil-professjoni tagħha ta’ ġurnalista.  Jkun ta’ ġid għal kulħadd illi nsaħħu r-rispett u l-apprezzament li għandu jkun hemm lejn min jaħdem fil-ġurnaliżmu investigattiv u jwassal l-aħbar. Niftakru li l-ġurnaliżmu huwa r-raba’ pilastru tad-demokrazija.

“Il-mewt ta’ Daphne xegħlitilna ħafna bozoz ħomor ta’ twissija, Il-mewt tagħha skussatna. Diffiċli ħafna, ngħid impossibbli, li b’xi mod jittaffa l-uġiegħ famijali, d-dieqa ta’ dawk li kienet tħobb u li ħabbewha.

“Hemm bżonn li nifdu lina nfusna mill-ġdid. Hemm bżonn ningħaqdu biex, bħalma għamilna fil-passat, inwettqu t-tibdiliet neċessarji f’dan iż-żmien , tibdiliet li diġà bdejna nagħmlu.

“Biex nagħmlu dan, ma rridux nintilfu fil-pettegolezzi u t-tgħajjir. fil-botta u risposta biex niskurjaw “political points”, rebħiet bla sugu u sustanza fuq livell partiġġjan li ħafna drabi jservu biss biex fost il-poplu jiżirgħu l-firda.

“Ma teżistix rebħa waħda kbira. Huma ħafna rebħiet żgħar li flinkien jagħmlu rebħa kbira. It-taqbida għas-sewwa, fuq kollox għal tmexxija ġusta u korretta, hija waħda kontinwa u qiegħda hemm tisfidana ġurnata wara oħra. Il-viġilanza tagħna lkoll f’dan ir-rigward ma nistgħu qatt nillaxkawha, u biex nagħmlu dan, irridu nkunu magħqudin.

“Għandna s-sinsla metieġa biex dak li ġie identifikat li jrid jitranġa, nirranġawh, u dak li minn żmien għal żmien nidentifikaw li hemm bżonn jinbidel u jevolvi, nirranġawh ukoll.

“B’sens ta’ ringrazzjament u ġieħ lil dawk kollha li minn żminijiet imbiegħda sal-lum urewna toroq tajba, b’mod speċjali fejn tidħol tmexxija, ejjew flimkien nibnu pajjiż li jixirqilna, biex ġenerazzjonijiet futuri jsibu pedamenti sodi ħa jkomplu mexjin il-quddiem.”