Segwu dan il-film ta’ Reuters dwar id-deċiżjoni regolatorja Ewropea li ttieħdet biex jingħalaq il-Pilatus Bank.

Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li dan il-bank ma kien xejn ħlief magna għall-ħasil ta’ flus ġejjin mill-korruzzjoni. Din l-informazzjoni kienet ġabritha mingħand Maria Efimova. It-tnejn li huma kienu ġew vittimizzati u mhedda. Eventwalment waħda fittxet il-kenn f’pajjiż ieħor fejn ikollha ssegwi u tissaporti l-vilifikazzjoni tagħha stess u t-theddida kostanti li għaliha l-kbir jista’ għadu ġej. L-oħra ġiet imħarrka għal danni li jiżbqu dak li setgħet taqla’ f’80 sena u eventwalment spiċċat trietaq bis-saħħa ta’ karrozza bomba.

Il-gvern ma jżommx mal-whistleblower u mal-ġurnalista li taw servizz lil Malta u lill-Ewropa meta kixfu l-ħmieġ li kollu li tħalla jinfirex. U żgur li le. Il-gvern żamm mal-Iranjan li għandu sensiela ta’ passaporti u ta’ dati tat-twelid. Għaliex? Għaliex inzerta li hu sinjurun u nzerta li jdewwaqhom ix-xaħam li għandu bi stediniet għal tiġijiet li nafu bihom u b’affarijiet oħra li jaf bihom Alla biss. Għaliex il-flus jibnulhom it-toroq fil-baħar.

Il-FBI tispiċċa taqfel lill-Iranjan il-ħabs u huma baqgħu jiddefenduh xorta waħda. Irrifjutaw li jneħħulu l-liċenzja bankarja u evitaw kull għarbiel li seta’ jikkonferma l-involviment tagħhom fl-iskemi tiegħu.

Sakemm imbagħad indaħlet l-Unjoni Ewropea – jingħad li damet iżżejjed taħsibha –  biex issewwi l-ħażin li kkawża tbatija lill-Ewropa kollha.

Dan kollu hu ta’ mistħija kbira għal Malta.