Tal-Labour huma ħerqanin li jaraw li l-istampa dinjija ma tibqax tinteressa ruħħa f’dak kollu li qed iseħħ f’Malta, dejjem sakemm ma tkunx disposta li toqgħod tfaħħar lil Joseph Muscat. Kienet tabilħaqq importanti għalina l-presenza f’Malta tul din il-ġimgħa ta’ NGO’s internazzjonali u ta’ diversi MEP’s u ġurnalisti.

Ippermettuli nispjega dan kollu fi kliem sempliċi sabiex it-trolls u t-tiranni jkunu jistgħu jifhmu aħjar. Dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia ma nistgħux inħalluh jerġa’ jseħħ. L-intimidazzjoni li ta’ sikwit kienet issib ma’ wiċċha qed terġa’ tgħolli rasha kontra l-familja tagħha, kontra ġurnalisti oħra u attivisti u kontra politiċi tal-oppożizzjoni.

Il-pulizija jidher li ma tgħallmet xejn mil-lezzjoni ta’ ġurnalista li nqatlet taħt imneħirha. Il-pulizija m’hi qed tagħti ebda protezzjoni lil ġurnalisti oħrajn u bħal donnu qed tistenna li jseħħ assassinju ta’ xi ġurnalista ieħor bħallikieku qed jistennew li jaraw li sseħħ xi ġlieda oħra f’Paceville.

Madankollu l-bqija tad-dinja fehmet li f’Malta u fl-Ewropa l-ġurnalisti tant huma esposti għall-iżolament li l-assassinju tagħhom jista’ isir aktar possibbli.

Din kienet ir-raġuni għaliex dawn il-persuni kollha nġabru hawn Malta.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat ma stajtx niltaqa’ ma’ kulħadd, iżda weġibt għal kull mistoqsija li saritli: sakemm l-oppressuri jkunu konxji tal-fatt li għajnejn id-dija jinsabu fuqna, aħna nistgħu nserrħu rasna ftit aktar. Inħoss li huwa dmir tiegħi li l-mistoqsijiet li jsiruli nweġibhom skond il-ħila tiegħi. Inħoss li dan huwa d-dmir tiegħi fil-konfront ta’ pajjiżi. Xi darba anki ċerti Maltin għad jintebħu li l-ħniżrijiet li qed jitwettqu huma l-iskandlu u mhux il-kxif tagħhom.

Nixtieq nirringrazzja lill-ġurnalisti Taljani li tennew l-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom mal-attivisti u mal-ġurnalisti Maltin. Id-dikjarazzjoni li tnediet minn Maria Grazia Mazzola tat-TG1 li ġiet iffirmata minn 57 ġurnalist Taljan ieħor kienet sfida mill-aktar qawwija lill-gvern.

Matul din il-ġimgħa r-RAI xandar 10 programmi speċjali dwar Malta. Insemmi wkoll il-crews ta’ TG1 li ġew Malta apposta u lil Carlo Lo Savio ta’ TG2, Piere Damiani D’Agata ta’ TG3, Roberta Marilli ta’ Mediterraneo RAI u Ilario Piagnerelli ta’ Rai24.

Ir-rappurtaġġ ta’ Carlo Bonini għal La Repubblica bħala parti minn The Daphne Project huwa kruċjali b’riżq it-tfittxija tal-verità dwar dak li ġara’ eżatt lil Daphne Caruana Galizia, dwar kif seħħ l-assassinju tagħha u dan il-bniedem jidher li qed iqarribna ħafna aktar minn ħaddieħor lejn is-soluzzjoni tad-delitt. Bonini ilu sena sħiħa jxandar stejjer dwar il-każ, ippubblika ktieb u mhux se jċedi qabel isib tarf.

Dawn il-kollegi Taljana tawna l-opportunità li nitkellmu ma’ ġurnalisti oħra akkreditati f’Ruma u hawn nixtieq nirringrazzja lil Maarten van Aalderen ta’ De Telegraaf tal-Olanda u ġurnalisti minn Radio Svizzera Italiana, ARD Das Erste u pubblikazzjonijiet numerużi oħra akkreditati f’Ruma. Sabrina Provenzani ukoll issuktat ir-rappurtaġġ importanti tagħha għal Il Fatto Quotidiano.

NGOs Taljani bħal Libera Informazione u Antimafia Duemila qed jiżguraw li jkun hemm rappurtar estensiv kif ukoll l-appoġġ ta’ ġurnalisti li qed jissieltu kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Deutsche Welle kompliet tirrapporta dwar dak li qed iseħħ f’Malta u Iris Rohmann qed tniedi kampanja li tiġbor flimkien il-ġurnaliżmu, l-arti u l-attiviżmu soċjali.

Din il-ġimgħa biex jirrapporta dwar Malta kien hawn ukoll il-korrispondent internazzjonali prinċipali tal-istazzjon Amerikan NBC Richard Engel. U mill-istazzjon nazzjonali Ġappuniż kien hawn Shoko Koyama.

Kellna magħna bħala mistieden tas-soċjetà ċivili lil John Sweeney tal-BBC li kompla jżid l-interess tiegħu f’dak li qed iseħħ f’Malta u tkellem f’attività pubblika. Indirizza wkoll lill-istudenti Maltin fl-Università. Minn naħa tagħha, l-BBC xandret programm dwar Malta fis-sensiela Mediterranean ta’ Simon Reeve.

Bħala rappreżentant ta’ Agence France Presse kien hawn Sonia Logre kif ukoll Stephen Grey għal Reuters. Bis-saħħa tar-rapporti ta’ dawn it-tnejn, id-dinja saret taf x’inhu jseħħ f’Malta.

Delegazzjonijiet minn PEN International, il-Committee to Protect Journalists, il-European Centre for Press and Media Freedom, l-International Press Institute u l-European Federation of Journalists kienu hawn ukoll. Dawn tkellmu bil-miftuħ u b’mod ċar lill-prim ministru, lill-istampa lokali u lill-aġenziji tal-aħbarijit internazzjonali dwar is-sitwazzjoni f’Malta.

Bħala mistidnin tal-MEP David Casa, kien hawn il-MEPs Ana Gomes mill-partit soċjalista, Monica Macovei mill-partit konservattiv u Stelios Kouloglou mill-partit tax-xellug estrem li hu wkoll ġurnalista.

Il-komunità dinjija favur il-libertà tal-istampa mexxiet il-messaġġ u żgurat li tinġibed l-attenzjoni tad-dinja għall- kampanja favur il-verità u l-ġustizzja li qed issir hawn Malta. Dak li qed jiġri hawn huwa mportanti u sakemm l-attenzjoni tad-dinja tibqa’ fuqna, l-assassini ta’ Daphne Caruana Galizia — mhux biss dawn li bħalissa jinsabu f’ċella fil-ħabs iżda wkoll dawk li għadhom jiġru barra bħallikieku ma ġara’ xejn  — ma jerġgħux jirrepetu dak li għamlu.

Għal dan kollu ngħid grazzi kbira.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, tal-One TV qalu li jien se mmexxi kampanja kontra Malta. Jien m’għamilt xejn minn dan.  Dawn il-ġurnalisti, NGO’s u MEPs ġew hawn għaliex jinsabu diżgustati li f’pajjiż li darba kien jitqies bħala wieħed demokratiku inqatlet ġurnalista u għaliex il-politiċi u l-kriminali li kienet investigat tħallew jagħmlu li jridu. U dawn il-ġurnalisti, NGO’s u MEP’s iħossu li ġaladarba f’sena ma nbidel xejn, assassinju ieħor jista’ jerġa’ jseħħ.

Li kieku jien kelli l-mezzi u l-ħila li nqajjem dan l-interess kollu f’storja li, skond tal-Labour, hi gidba, anke x-xogħol tas-sħaħar li kienu jattribwixxu lil Daphne ma kienx ikun biżżejjed.

Madankollu jkolli nammetti li nħossi xi ftit onorat li tal-One TV jidhrilhom li għandi din il-ħila u li jaħsbu li din hija ħaġa li jistgħu ibellgħu lit-telespettaturi tagħhom. Forsi jmisshom igħidulhom li, aħna u nissuktaw fil-ħidma tagħna biex nikxfu l-verità dwar il-ħallelin li qed jisirqu lil pajjiżna, se nagħmlu minn kollox biex niżguraw is-sigurtà tagħna.