L- OECD għadha kemm xandret rapport konsultattiv li jwissi kontra l-bejgħ tal-passaporti u jsostni li dan il-bejgħ qed iwassal għall-ħasil ta’ flus maħmuġin u għall-evażjoni tat-taxxi. Ninsab konxju tal-fatt li jekk nagħmlu lira minn fuq dahar dawk li jaħslu l-flus maħmuġin u l-evażuri tat-taxxa, għalina qisu ma ġara’ xejn iżda għall-inqas għandna nkunu onesti magħna nfusna jekk mhux ukoll mal-bqija tad-dinja.
Sirna naraw biss l-ilbies fin, il-“jets” privati, l-kmamar lussużi fil-lukandi u t-trasferimenti elettroniċi ta’ flejjes. Iżda dawn m’huma xejn ħlief ix-xinxilli tal-kriminalità. Flus ikunu jeħtieġ li jinħaslu appuntu għax ikunu maħmuġin. U dan il-ħmieġ ikun ġej, mhux mit-tajn ta’ xi minjiera jew mill-kallu ta’ xi fabbrika tal-manifattura, iżda mid-demm li jixtered minħabba t-traffikar tad-drogi, tal-armi u tan-nies. Insiru kompliċi ma’ dawn il-kriminali eżatt bħal dawk li jaħbu oġġetti misruqa.
Dan kollu għaliex ma teżistix pulizija li tagħmel l-għassa mal-pajjiżi tad-dinja jew xi qorti internazzjonali f’dinja li qed twaħħad is-sovranità mal-anarkija, ma jfissirx li jekk nagħmlu dan inkunu qed nagħmlu dak li hu sewwa.
U nagħmlu din id-distinzjoni bejn dawk li jaħslu l-flus u l-evażuri tat-taxxa għaliex jeżisti grad ieħor ta’ firda bejn dawk li jwettqu r-reat u l-vittmi tagħhom. Il-bieraħ xandart kopja ta’ rapport tal-Eurodad dwar is-sistema dinjija tat-taxxi u dwar kif Malta qiegħda tilqa’ s-sinjuruni li jevadu t-taxxi fil-pajjiżi tagħhom – taxxi li, wara kollox, jinġabru b’riżq il-fqir u l-batut.
Fi kliem ieħor, qed jinsterqu l-foqra biex igawdu s-sinjuri.
Jekk irridu nkunu ċittadini responsabbli tad-dinja, jeħtieġ li nidħlu daħla fina nfusna u niftakru li dak li jitqies bħala fundamentalment inġust jista’ jkampa għal xi żmien, iżda bħal dik it-tigra fl-istorja tal-kittieb Skoċċiż, mal-medda taż-żmien tista’ ddur fuqna u tigdimna.
Agħtu ħarsa hawn lejn ir-rapport tal-OECD. Din l-Organizzazzjoni bażikament tinsab inkwetata bl-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti. Iżda tinsab inkwetata b’mod speċjali b’dawk l-iskemi li ma jeħtieġux prova jew verifika regolari tar-residenza.
Dan ifisser li l-iskema Maltija, f’għajnejn l-OECD, iġġorr magħha riskji speċjali.
Niftakru li għall-bidu l-liġi tfasslet mingħajr il=ħtieġa ta’ residenza għal min jakkwista passaport. U meta l-Kummissjoni Ewropea wriet tħassib, il-gvern daħħal il-ħtieġa ta’ sena residenza biex seta’ jakkwista l-kunsens politiku tal-Kummissjoni.
Iżda din ukoll inbidlet f’farsa. Biex tiġi verifikata r-residenza, kulma għandu jagħmel applikant hu li jippreżenta kuntratt ta’ kera għal sena iffirmat mingħajr il-ħtieġa li l-applikant jkun daħal jew għex fil-post li jkun kera.
Sa fejn nista’ nifhem, l-awtoritajiet Maltin ma jagħmlux verifika fiżika dwar ir-residenza, la meta ssir u lanqas wara li ssir l-applikazzjoni.
L-applikazzjoni tista’ ssir u tiġi aċċettata qabel jibda’ l-period rikjest ta’ sena u mhux meta tiskadi dik is-sena. Il-Kummissjoni Ewropea kienet tat il-kunsens politiku tagħha għax kienet ingħatat l-impressjoni falza li min japplika għall-passaport kellu jgħix hawn għal sena sħiħa qabel jingħata ċ-ċittadinanza.
Sa fejn nista’ nifhem ma ssirx għassa fuq dak li jiġi dikjarat f’applikazzjonijiet differenti. Bir-riżultat li grupp ta’ multi-miljunarji jistgħu jiddikjaraw li qed igħixu flimkien f”żewġt ikmamar f’Birżebbuġa qishom “hippies” u dak li jiddikjaraw jitqies ben fatt.
L-indirizzi ta’ dawn iċ-ċittadini l-ġodda ma jixxandrux u huma kunsidrata sigriet tal-Istat. M’għandniex xi ngħidu, il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-indirizzi tista’ ġġiegħel lil min jintebaħ li f’appartament li jinsab vojt suppost qed igħixu fiħ grupp ta’ sinjuruni li għandhom ġid sa fejn jesa’ ġildhom.
Madankollu ġara’ li kien hemm xi indirizzi li xxandru meta l-ismijiet ta’ wħud minn dawn is-sinjuruni ddaħħlu fir-reġistru elettorali. Minn spezzjonijiet fiżiċi li saru rriżulta li instabu postijiet fejn igħix ħaddieħor jew fejn ma jgħix ħadd jew fejn mhux possibbli li wieħed igħix.
Bis-saħħa ta’ dawn il-fatti, jidher ċar li s-sistema m’hi xejn ħlief waħda falza maħluqa apposta biex takkomoda lill-ħassiela ta’ flus maħmuġin u lill-evażuri tat-taxxi.