Joseph Muscat issa qed imexxi l-kelma li jdejħ huma ndaf tazza u li l-imqareb huwa Keith Schembri, li issa warrab. Qed imexxi l-kelma fost in-nies tiegħu li m’għandhomx iħallu lin-nazzjonalisti jaħtfu r-riedni tal-pajjiż u għandhom ikomplu jagħtuħ l-appoġġ.
Bħalissa l-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista qed ixerrdu propaganda biex iħajjru lin-nies tattendi għall-mass meeting tal-Ħadd li ġej u qed jagħmlu dan bħallikieku ħajjet Joseph Muscat tiddependi fuq din l-attività. Huwa minnu il-ħajja politika tiegħu tiddependi fuq dan il-mass meeting u jekk jirnexxielu jiġbor l-eluf, x’aktarx ikun f’pożizzjoni aħjar li jsalva l-ġilda politika tiegħu.
Il-partitarji u l-votanti tal-Partit Laburista m’għadhomx jemmnu li l-iskandlu tal-Panama kien gidba. Kienu jqisuh bħala gidba għat-tliet snin u nofs li ilhom jafu bih. Iżda issa m’għadhomx iqisuh bħala gidba. U peress ma jixtiequx iħossu li kienu ġew mgħoddija biż-żmien u li kienu bellgħulhom lixka, iħossu li jistgħu jiġġustifikaw lil Joseph Muscat billi dan ma kienx fehem li Daphne kellha raġun f’dak li kienet tikteb għax, wara kollox, din lanqas huma stess ma kienu fehmuha. Kif ammetta dalgħodu Jeffrey Pullicino Orlando, dawn kienu ġibdu konklużjoni żbaljata li Daphne kienet qed tigdeb iżda li kienet konklużjoni li assumew li kienet ġustifikata.
Din m’hi xejn ħlief adulazzjoni rasha ‘l isfel. L-aspettattivi tal-partitarji tal-prim ministru “kink” jew “alla” tagħhom issa tant huma baxxi, li dawk li se jmorru jxejjrulu l-bnadar nhar il-Ħadd x’aktarx se jġiegħluhom jaħsbu li Joseph Muscat ma kellux jintebaħ bl-intiena li kellu taħt imnieħru f’Kastilja.
Li kieku għandhom niskata rispett għalihom infushom – anki jekk jibqgħu jemmnu li Joseph Muscat m’huwiex imċappas bil-korruzzjoni u mill-ħabi tagħha – kienu jinsistu li Joseph Muscat tant huwa kriminalment stupidu li għandu jwarrab.
Fis-snin sebgħin Willy Brandt kien warrab mill-kariga ta’ Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent dakinhar li rriżulta li kollaboratur tiegħu kien spija għall-Unjoni Sovjetika. Ħadd ma kien stqarr li Brandt approva l-imġieba tal-kollaboratur tiegħu jew li kien jaf dan x’kien qed ikewwes fil-borma, iżda refa’ r-responsabbiltà għax kien hu li kien għażel lil dan il-kollaboratur biex jaħdem fil-qrib miegħu.
Joseph Muscat kien serrħilna rasna dwar l-“integrità” ta’ Keith Schembri saħansitra anki fiż-żmien meta l-pajjiż kien sejjaħlu biex iwarrbu minħabba l-iskandlu tal-Panama. Joseph Muscat kien ħalef għall-assistent tiegħu u kien stqarr li dak li kien inkixef jew kien “l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta” jew, hekk kif ixxandru dokumenti li merewħ, li dak li kien għamel Keith Schembri jagħmlu kull “negozjant li jkun għamel suċċess”.
Issa Keith Schembri qed jiġi mixli li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne. Għad iridu joħorġu l-provi dwar din ix-xilja. Iżda issa jidher kważi ċert li Keith Schembri kien kompliċi meta għadda informazzjoni u organizza pjan biex persuna mfittxija mill-Pulizija dwar qtil titħarrab minn Malta.
Kif jippretendi Joseph Muscat li ma jerfax responsabbiltà politika għal dan kollu?
Wasal iż-żmien biex l-Avukat Ġenerali jibda’ jħejji l-akkużi kontra dawk li l-prim ministru baqa’ jiddefendi. Konrad Mizzi ma warrabx minn postu għax kesaħ it-temp. Ġie mwarrab għaliex sa fl-aħħar il-kollegi tiegħu fil-kabinett raw id-dawl u ntebħu li dak li kienet kitbet Daphne dwar il-korruzzjoni tiegħu kien kollu minnu. Ir-rapporti tal-FIAU li kienu nxteħtu taħt it-tapit u, għaliex David Casa kellu l-kuraġġ li jikxifhom kien ġie persegwitat, jistgħu jittieħdu bħala bażi fuqhiex jinbdew il-proċeduri.
Bħalissa l-Pulizija qiegħda tagħmel sewwa hi u tagħti prijorità lill-każ tal-qtil ta’ Daphne. Iżda l-Pulizija tinsab ukoll fid-dmir li, f’għajnejn id-dinja, tibda’ tifdi lilha nnifisha u treġġa’ lura r-reputazzjoni tajba li tilfet minħabba dawn il-misħutin politiċi kriminali.
Bħalissa Ian Abdilla issa jmissu jibda’ jaħseb biex iħarrek lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u jixlihom b’tixħim u korruzzjoni. M’għandux skużi – d-dokumenti tal-FIAU ilhom fil-pussess tiegħu il-fuq minn sena. Għandu jagħmel dan issa. Mhux is-sena d-dieħla. Issa.
Jekk għadhom m’humiex f’pożizzjoni li jmexxu b’akkużi ta’ omiċidju kontra Keith Schembri, illum dan għandu jiġi mixli li kixef sigrieti uffiċjali tal-istat – jiġifieri l-informazzjoni li għadda dwar dettalji tal-investigazzjoni kriminali dwar il-qtil ta’ Daphne u, kif qed jirriżulta, informazzjoni li kellhom f’idejhom is-servizzi sigrieti – dwar bniedem maħrub li hu suspettat li wettaq l-istess delitt.
Għandu jiġi mixli b’delitt kriminali jkun x’ikun biex ikunu jistgħu jaqfluħ minn issa f’Kordin u biex imbagħad jibdew ifasslu l-każ dwar l-imperi kriminali li kien bena’.
Dan għandhom jagħmluh minn issa. Għandhom jibgħatu sinjal lid-dinja li m’aħniex il-pulċinelli li tpinġejna li aħna kemm ilhom li xxandru l-Panama Papers. Jeħtieġ nuru lid-dinja li aħna poplu serju li ma jittollerax lill-politiċi korrotti jew lill-misħutin qattiela li ilhom igħoxew bina għal dawn l-aħħar sentejn.
Waħda tal-aħħar. Bil-ġentilezza kollha l-Pulizija qagħdu jistennew lil Keith Schembri jwarrab qabel dawn qafluh. Dan ir-rispett żgwidat lejn l-eżekuttiv m’huwiex sewwa. Dan il-ġentilezza kollha tagħtu biżżejjed żmien biex ikun jista’ jqatta’ lejl jikkonfoffa u jostor ma’ Joseph Muscat.
Il-Pulizija għandha ssejjes il-ħidma tagħha fuq is-suppożizzjoni li taf eżatt x’għamel Keith Schembri – jiġifieri li l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja wżaħ biex ifixkel il-kors tal-ġustizzja – u dan għamlu bl-awtorità u l-kunsens ta’ Joseph Muscat. Joseph Muscat dan lanqas biss indenja ruħu li jiċħdu.
Din is-suppożizzjoni twassal ukoll għal oħra. L-uffiċċju tiegħu Joseph Muscat għadu jużaħ biex ifixkel il-kors tal-ġustizzja. Tant ikkontradixxu ruħu fl-istqarrijiet li għamel li l-Pulizija għandha fejn tagħmel festa.
Jekk ser jinsisti li jibqa’ mkaħħal mas-siġġu tas-setgħa f’Kastilja, għad jasal żmien – mhux daqstant il-bogħod mil-lum – li jseħħ dak li bħalissa m’hu jgħaddi minn moħħ ħadd. Jiġifieri li fiż-żmien li għandu s-setgħa f’idejh – kif darba kellu s-setgħa ċertu prim imħallef – il-prim ministru tagħna jiġi arrestat.
Qed isejjħu lin-nies nhar il-Ħadd biex tinġabar fiż-Żejtun f’attentat biex jintimidaw lill-Pulizija. Ser naraw issa għandux raġun Robert Musumeci: jiġifieri li f’dan il-pajjiż il-liġijiet ma jgħoddux għal Joseph Muscat.
M’għandniex xi ngħidu, Robert Musumeci se jterraq lejn iż-Żejtun bħallikieku ħajtu tiddependi fuq din l-attività.
Aħna jeħtieġ li ninġabru l-Belt Valletta biex inkomplu ninsistu favur is-sewwa u l-ġustizzja.