Skond il-ġurnal speċjalizzat dwar l-industrja tal-gaming GamingCompliance, “għejjun awtorevoli Maltin” sostnew li il-liċenzji li ngħataw lil-kumpanniji Taljani tal-online gaming se jiġu investigati bil-għan li jitkissru r-rabtiet li dawn għandhom mal-ħwienet tal-imħatri fl-italja.
Azzjoni bħal din messha ilha li ttieħdet.
Din hi aħbar tajba għal industrija imċappsa kif inhi bid-dell tal-mafja li ilha tuża lil Malta biex taħsel il-profitti li tagħmel mit-traffikar tad-droga, estorsjoni u prostituzzjoni bil-għan li tiġi finanzjata ħajja ta’ lussu għall-kbarat tagħha.
L-arrest riċenti ta’ Benedetto Bacchi, l-hekk imsejjaħ “Re tal-Imħatri”, kien l-aħħar minn sensiela ta’ ġrajjiet f’periodu li matulu pajjiżna xxebbaħ mid-dinja ma’ dawk il-bankiera Svizzeri li ħażnu d-deheb li nqala’ mis-snien tal-vittmi tal-kmamar tal-gass tan-Nażisti.
U dan kollu għax ftit ġimgħat ilu esprimejt ruħi b’dan il-mod f’intervista ma’ stazzjoni tat-televiżjoni Taljan, kien hemm min għajjarni traditur. Iżda jekk nonqsu li ngħidu l-verita’ inkunu qed nippersistu fl-iżball.
Ir-reputazzjoni li għandu l-pajjiż ta’ wieħed li jagħti kenn lill-furbani u lill-maħrubin m’għandux x’iridha. U dawk il-ftit li bis-saħħa tal-ħasil ta’ flus maħmuġin tal-mafja qegħdin jagħmlu flejjes kbar imisshom jibdew jaqilgħu hobżhom permezz ta’ xogħol onest bħalma jagħmel ħaddieħor u dan kemm il-darba jkunu jridu jevitaw li jieklu xi ikla ħabs.
Tista’ taqra r-rapport sħiħ hawn taħt.
Hemm ukoll l-intervista li għamel il-kap tal-MGA Joseph Cuschieri ma’ rivista oħra u li fiha kkonferma d-deċiżjoni li ttieħdet biex isir kontroll aktar strett fuq kumpanniji Taljani.
Kif osservat il-GamblingCompliance, ir-reputazzjoni ta’ Malta qegħda tmajna. U xogħol l-MGA hu li jara li r-reputazzjoni ta’ Malta ma tibqax taqa’. It-tiswija tal-ħsara li saret m’hix se tkun biċċa xogħol faċli u nittamaw l-miżuri li ser jittieħdu ma jkunux tagħżiq fl-ilma.
Malta se tinvestiga l-liċenzjati Taljani f’attentat biex tipprova ssalva r-reputazzjoni tagħha.
12 ta’ Frar 2018 – miktub minn Nicolal Tani
Il-Malta Gaming Authority (MGA) iddeċidiet li tniedi investigazzjoni dwa l-operat tal-liċenzjati Taljani kollha tagħha bil-għan li jitkissru r-rabtiet li jeżistu bejn Malta u l-ħwienet illegali tal-imħatri fl-italja.
Għejjun awtorevoli Malti qalu li GamblingCompliance li din hi l-ewwel fażi ta’ azzjonijiet li ser jittieħdu kontra negozji tal-imħatri Taljani f’Malta.
Wara li f’dawm l-aħħar snin kienu nkixfu r-rabtiet li hemm bejn il-kriminalita’ organizzata fl-Italja u kumpanniji tal-online gaming li għandhom liċenzji Maltin, Malta wriet it-tħassib tagħha għall-ħsara li kompliet issir lir-reputazzjoni tagħha.
Uffiċjal Malti ġie kkowotat li qal li “jeżistu l-problemi mat-Taljani biss u dawn f’idejhom għandhom inqas minn 10 liċenzji minn total ta’ 200. L-Italja qed tkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħna u ħafna drabi qed ikollna niffaċċjaw skandli ġejjin mir-rabtiet li jeżistu bejn negozjanti Taljani u l-mafja”.
Fil-ġimgħat li ġejjin il-MGA u l-gvern Malti huma mistennija li joħorġu stqarrija pubblika.
“Ir-revoka ta’ liċenzja hi possibbli dejjem għaliex din meqjusa bħala privileġġ u mhux dritt. Jekk jirriżultalna mill-investigazzjoni li sar xi negozju li m’huwiex kopert mil-liċenzja, din il-liċenzja nirrevokawha kompla jgħid l-uffiċjal.
Dan l-aħħar il-MGA issospendiet xi liċenzji li kienu nħarġu f’isem Benedetto Bacchi, bniedem li aktar kmieni dan ix-xahar ġie arrestat fl-Italja flimkien ma’ 30 persuna oħra li huma lkoll suspettati li jmexxu katina ta’ 700 ħanut tal-imħatri madwar il-pajjiż kollu.
Bacchi, magħruf bħala r-Re tal-Imħatri, ma’ sieħbu Antonio Lobaido huma suspettati li ftehmu mal-mafja ta’ Palermo “Cosa Nostra” biex imexxu dawn il-ħwienet.
Dawn il-ħwienet intużaw bħala ċenrti tat-tqassim ta’ informazzjoni biex lagħba setgħu jikkomunikaw ma’ pjattaformi tal-logħob online permezz ta’ terminals imħaddma minn Phoenix International Ltd, kumpannija bażata f’Malta li f’idejha kellha ditti bħalma huma B2875.com, Bsport24.com and B28sport.com.
Phoenix Ltd kienet ġiet reġistrata wara li kienet ġiet xjolta Betsolution4U, waħda mill-kumpanniji kontra min il-pulizija Taljana kienet ħadet passi fl-2015.
Il-ġimgħa li għaddiet Bacchi u xi ko-akkużati ittellgħu il-Qorti u ġew mixlija formalment bir-reati ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin, involviment mal-mafja, frodi u reati oħra. Waqt is-smiegħ tal-kawża, Bacchi ma tkellimx.
Skond il-mandat ta’ arrest, fl-2016 Bacchi kien xaħħam xi “lobbyists” u xi politiċi f’attentat biex jiġi estiż iż-żmien tal-iskadenza ta’ programm ta’ amnestija fuq ħlas ta’ taxxa b’lura għal ħwienet tal-imħatri mhux liċenzjati fl-Italja bil-patt li kellhom jiftehmu li joperaw taħt liċenzja..
Għalkemm għadu ma ġiex stabilit li kien hemm rabtiet diretti bejn Bacchi u xi politiċi, fl-2016 kien sar attentat minn diversi parlamentari biex l-amnestija tiġi estiża – Maria Spilabotte (Democratic Party), Paola Binetti and Bruno Mancuso (Area Civica) — iżda dan l-attentat ġie sfrattat mill-parlament Taljan..
Li kieku l-estensjoni ġiet approvata, Phoenix kienet tkun tista’ tillegalizza 700 ħanut tal-imħatri bi ħlas ta’ €3000 ta’ darba, minflok bil-ħlas ta’ €10,000.
Skond notifika tal-prosekutur din il-kumpannija kienet qed iddawwar dħul ta’ madwar €1 miljun kull xahar u parti minn dan id-dħul kien qed imur biex jiffinanzja membri ta; Cosa Nostra.
Hekk kif seħħew dawn l-arresti, il-MGA issospendiet il-liċenzja ta’ Phoenix International u l-kumpannija ġiet ordnata sabiex “tissospendi b’mod indefinit l-operazzjonijiet tagħha tal-gaming, biex ma tkomplix bir-reġistrazzjoni ta’ lagħba ġodda, biex tissospendi n-negozji tagħha fuq il-websites kollha u sabiex tissottometti kull informazzjoni u dokumenti mitluba mill-awtoritajiet”.
Il-MGA ħarġet ukoll twissija lill-pubbliku li dawk is-siti relatati mal-Phoenix li jallegaw li qed joperaw taħt liċenzja Maltija issa qed joperaw mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha. Il-MGA qalet ukoll li mhix bi ħsiebha tirrilaxxja aktar informazzjoni sakemm ikunu għadhom għeddejjim l-investigazzjonijiet.
F’dawn l-aħħar sentejn u nofs, Bacchi huwa r-raba’ operatur ibbaħat f’Malta li nkixef li għandu rabtiet mal-mafja.
F’Novembru li għadda, il-pulizija Taljana kixfet numru ta’ siti illegali tal-logħob tal-azzard mħaddma minn Medialive Casino li hi bażata f’Malta.
Bħala parti minn investigazzjoni mnedija mill-pulizja ta; Firenze ġew arrestati Massimiliano Fullin u Fabio Veglianetti – diretturi ta’ kumpannija liċenzjata f’Malta – u ġew akkużati talli mexxew sensiela ta’ terminals tal-logħob madwar l-Italja li jiswew miljuni kbar.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, prosekuturi u l-pulizija finanzjarja Taljana arrestaw lil Francesco Martiradonna li huwa maħsub li huwa s-sid veru tal-kumpannija Maltija tal-gaming CenturionBet, kumpannija li issa tinsab sospiża mill-MGA.
Operazzjoni ta’ kontra l-mafja, mlaqqma “Jonny” kixfet ukoll rabtiet bejn CenturionBet u l-familja ta’ kriminali tal-Ndragheta bażata fl-Italja ta’ Isfel.
F’Lulju 2015, ġew arrestati 30 ruħ u nqabdet merkanzija tiswa €2 biljuni permezz ta’ “Operation Gambling”.
Huwa mifhum li x-xhieda li kien ta’ Mario Gennaro, li kien dar kontra l-mafja u kontra sħabu fl-industrija, wasslet biex inkixfet ir-rabta bejn Phoenix International u l-kriminalita’ organizzata ta’ Sqallija.