It-tweġibiet ta’ Keith Schembri għall-istejjer li xxandru dwar taħwid li hemm fl-affarijiet finanzjarji tiegħu jixhdu stat ta’ irritazzjoni u ta’ nervi li kulma jmorru telgħin ‘il fuq.

Aqraw hawn taħt x’wieġeb għar-rapport imxandar dalgħodu fit-Times of Malta li l-awtoritajiet tal-British Virgin Islands kienu nvestigaw lill-kumpannija tiegħu fuq ħasil ta’ flus, ħaġa li ma konna qatt insiru nafu biha li kieku b’riħet l-iskandlu tal-Panama Papers ma sirniex nafu wkoll li Mossack Fonseca kienu ħolqulu kumpannija hemmhekk.

‘Fi stqarrija, s-Sur Schembri qal li l-istorja kienet “fil-biċċa l-kbira riċiklata” u li Colson kienet ġiet inkorporata snin qabel il-ħatra tiegħu bħala chief of staff. 

Huwa stqarr li dan jikkonferma li l-istrutturi tal-kumpannija tiegħu kellhom “skop kummerċjali”.

“Kif jidher mill-istorja stess, l-awtoritajiet kompetenti investigaw l-istrutturi u n-negozju tiegħi. Skond ir-rapport tiegħek, minn dakinhar ‘l hawn ma sabu xejn fuqhiex setgħu jikkummentaw. Fil-fatt, din l-hekk imsejjħa “investigazzjoni” li ilha sejra sentejn lanqas biss infurmawni biha,” qal is-Sur Schembri. 

Is-Sur Schembri qal li din kienet “il-proprja funzjoni tas-saltna tad-dritt” hekk kif ipponta subgħajh lejn it-Times of Malta hu u jakkużaha li kienet qiegħda “tassumi li hu ħati mingħajr provi”.  

L-ewwelnett: nibdew bir-risposta dwar “fil-biċċa l-kbira riċiklata’. Keith Schembri qed jiddejjaq li l-allegazzjonijiet li kien ġie mixli bihom fl-imgħoddi u li dwarhom tfaċċaw provi oħra, reġgħu ittellgħu fil-wiċċ biex il-qarrejja jkunu jistgħu jifhmu sew dak li jinsab għaddej. L-iskandlu tal-Panama inkixef sentejn ilu. Keith Schembti, kontra kull sens ta’ loġika u diċenza, baqa’ f’postu jiċħad kull jum li jgħaddi. U meta jitfaċċaw aktar provi li jxejjnu ċ-ċaħdiet tiegħu, jilmenta għax il-fatti li baqa’ jiċħad komplew jissaħħu. Jaqaw issa tridna nisktu Keith?

It-tieni: l-iskuża li ġab fis-sens li l-istrutturi li servew ta’ bażi għall-ħasil tal-flus madwar id-dinja kienu nħolqu qabel ma’ nħatar fil-kariga pubblika li għandu llum. Din xi skuża hi? L-evażjoni tat-taxxa jista’ jkollha “skop kummerċjali” iżda fl-istess waqt tkun qed tisraq minn ġid il-poplu Malti. Dan juri x’kwalità ta’ moralità għandek fil-karattru tuegħek. F’demokrazija vera min jevadi t-taxxi ma jistax jibqa’ f’kariga pubblika anki jekk jevadi t-taxxa fuq flejjes li wieħed seta’ qala’ b’mod leġittimu minn negozju privat. Ċertament hi ħaġa ta’ interess pubbliku li l-id il-leminija tal-prim ministru qed jevadi u evada l-ħlas tat-taxxa f’Malta.

It-tielet: il-fatt – probabbilment gidba faħxija – li l-investigazzjonijiet li għamlu l-awtoritajiet tal-British Virgin Islands dwar il-finanzi tiegħu “lanqas biss ġie mgħarraf bihom”, ma jfisser xejn. Kif jidher mill-ittra tal-investigaturi lil Mossack Fonseca li xandret it-Times of Malta, bil-liġi Keith Schembri ma setax jiġi mgħarraf li kienet qed issir investigazzjoni fuqu. U r-raġuni għaliex “lanqas biss kien ġie mgħarraf” kienet li Schembri kien suspettat fuq ħasil ta’ flus, ħaġa li hu jaf sew u jserraħ fuq il-fatt li s-segwaċi tiegħu ma jifhmu assolutament xejn dwarha.

Ir-raba’: l-argument li wieħed qed “jassumi li hu ħati mingħajr provi” huwa sajjem u riċiklat u hu jiddefendi l-pożizzjoni li Keith Schembri għandu jibqa’ fejn hu għaliex s’issa ħadd għadu ma qafillu jdejh fil-manetti, kaxkru lejn il-qorti u minn hemm lejn il-ħabs.

Kull ma fadlilna hi t-tama li l-proċess legali jieħu l-kors tiegħu

Iżda diġà assistejna għal aktar minn biżżejjed provi dwar l-intenzjoni ċara, dwar l-attentat u dwar is-suċċess li kellu fl-evażjoni tat-taxxa u għallinqas mil-lat politiku, il-pożizzjoni tiegħu – u dik tal-imgħallem tiegħu – hija kompletament mhux tenibbli.

Ħallina Keith. Tkomplix titmagħna l-gideb u l-iskużi banali.