Dalgħodu quddiem l-uffiċċju tiegħu. #Reżistenza.

Ritratt għal Reuters ta’ Darrin Zammit Lupi.

Din li ġejja hi stqarrija tal-grupp #Reżistenza:

Ir-Re jinsab għarwien
Meta ċ-ċittadinanza Maltija tirrendiha l-oġġett ta’ negozju tkun qed tarmi l-valur fundamentali tagħha u ftit huma dawk li jkunu lesti li jixtruha li kieku ma kienx għall-fatt li din tiftaħ il-bibien beraħ għall-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Erwopea.
Tul dawn l-aħħar ħames snin taħt il-gwida ta’ Joseph Muscat, l-ikkalpestar tal-valuri nazzjonali kkontribwixxa biex dgħajjef is-saltna tad-dritt.
Fl-2013, kienu wegħduna gvern nadif b’tolleranza żero għall-korruzzjoni u Malta tagħna lkoll.
Għaddewna biż-żmien.
Illum pajjiżna jinsab mifni bil-korruzzjoni u bil-kriminalità organizzata, l-istituzzjonijiet tagħna inħakmu, l-ambjent tagħna qed jinqered, is-setgħana u sħabhom huma eżentati milli jiġu investigati u mħarrka, attivisti tas-soċjetà ċivili huma mfixkla u intimidati, l-istampa ħielsa tinsab mhedda bil-barka tal-gvern u ġurnalista ġiet assassinata.
Il-ġid komuni ma jinħoloqx frott l-attivitàjiet immorali. It-tir li trid tilħaq ma jiġġustifikax il-mezz li jintuża biex dan jintlaħaq. Ma rridux inkunu pajjiż tal-furbani, politikament korrotti u moralment falluti. Jistħoqqilna ħafna aħjar.
Il-verità hija ċara għal kull min għandu għajnejh f’wiċċu u għal kull min għandu l-kuraġġ li jgħid dan.
Ir-Re jinsab għarwien.