Resqin lejn is-16 tax-xahar u tal-Labour qed iħejju ruħħom biex jinnewtralizzaw kull wirja ta’ oppożizzjoni u dissens li issa saret drawwa ta’ kull xahar kemm ilħa li nqatlet Daphne Caruana Galizia. M’għandhomx għalfejn jibgħatu għall-pulizija, għal tal-MEPA u għall-kuntratturi tal-krejnijiet għax dawn kollha jinsabu għal-lest.

Meta l-protestanti jbakkru biex itellgħu l-banners, ikunu diġa’ lestew xogħolhom ferm qabel ikunu ħadu l-kolazzjon tagħhom bosta nies.

Issa tal-Labour biex “jidhru pożittivi” qed jantiċipaw lill-protestanti billi jdendlu banners qishom dawk ta’ wara l-purtiera tal-ħadid li min iddisinjahom riedhom jidhru friski u tal-moda iżda li fil-fatt jixbħu ħafna lill-banners ħomor tar-revoluzzjoni kulturali ta’ żmien Mao.

Dan ifakkarna fit-tħabbira li kien għamel iċ-chairman tal-V18 li kien ordna (lil min?) it-tneħħija ta’ banners li kienu tqiegħdu bi protesta kontra l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U taħt, jidher ieħor imqiegħed mill-fergħa taż-żgħażagħ Laburisti li niedew kampanja ‘l bieraħ filgħaxija bit-tagline ‘Kburin bil-politika tagħna’.

Din il-kampanja tafu għaliex qed jagħmluha? Hemm xi elezzjoni fil-qrib? Le. Il-Laburisti qegħdin ibatu minn xi forma ta’ diskriminazzjoni li qegħda ġġiegħelhom iħabbru il-kburija tagħhom għax jinsabu fil-minoranza (bħal, per eżempju, tal-gay pride)? Le. Għall-kuntrarju, huma jirrappreżentaw maġġoranza b’saħħitha li ma tistrieħx fuq il-kburija iżda fuq numri massiċċi u fuq il-poter tal-istat.

Awturi sfidaw lill-kampanja “Kburin bil-politika tagħna”.

Għadkom kburin?

F’idejkom biex tissuġġerixxu risposti oħra għall-kampanja tal-Awturi fil-kummenti hawn taħt.