Dak li rrappurtat il-Malta Today fis-sens li hawn xniegħat li l-Maġistrat Anthony Vella jista’ jingħata promozzjoni u jilħaq Imħallef waslu f’widnejja wkoll. Ma tista’ qatt tkun taf fiċ-ċert jekk dawn ix-xniegħat ikunux ġejjin mill-istess għejjun u ma tista’ qatt tkun żgur dwar kemm huma veri għaliex f’dan l-istadju dawn ikunu ideat li jeżistu biss f’moħħ il-ministru. U ma tista’ qatt tkun taf kemm ikunu serji l-intenzjonijiet tiegħu.

Kapaċi nikteb dwar kif il-Maġistrat Anthony Vella spiċċa sar il-maġistrat inkwirenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia wara li dan daħal flok Consuelo Scerri Herrera hekk kif il-membri tal-familja tagħha lmentaw mill-fatt li kien ikun impossibbli għal Scerri Herrera li tmexxi inkjesta indipendenti dwar il-qtil tal-antagonista tagħha.

Kapaċi nikteb dwar kif bdew iqasqsu l-ilsna hekk kif il-membri tal-familja tal-vittma stqarrew li jirrispettaw lill- Maġistrat Anthony Vella. Dawk li għoxew bil-ferħ meta nqatlet Daphne Caruana Galizia ma setgħux ħassewhom kuntenti li l-membri tal-familja tagħha setgħu ikollhom it-tama li ssir il-ġustizzja.

Kapaċi nikteb dwar ir-rabja li ħassew x’uħud meta l-Maġistrat iddeċieda li ma jagħlaqx il-każ dwar il-qtil hekk kif il-Pulizija ħarrku lit-tliet irġiel imħallsa li allegatament wettqu d-delitt. Żamm il-każ miftuħ u kebbes fina t-tama li għad jinqabad dak li qabbadhom iwettqu d-delitt.

Kapaċi nikteb dwar kif inġustament tqanqlu dubji dwar id-deċiżjoni tal-Maġistrat Anthony Vella minn proponenti u esponenti opportunisti tal-istorja dwar il-laptop il-mitluf.

Kapaċi nikteb dwar kif il-kollega tiegħu l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u dwar kif l-avukat Laburista Pawlu Lia saħqu quddiem il-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li l-Maġistrat Anthony Vella għandu b’xi mod jiġi mwissi dwar dan. U ħadd ma skanta li dan l-argument bażwi li nġieb quddiem il-Kummissjoni mbagħad għamluh tagħhom l-avukati tad-difiża tal-allegati assassini.

Kapaċi nikteb dwar kif il-promozzjoni tal-Maġistrat Anthony Vella għal Imħallef tista’ sservi l-interessi ta’ dawk li jridu li l-każ jingħalaq biex b’hekk żgur ma sseħħx il-ġustizzja. F’moħħ il-ministru taf qiegħda tberren l-idea li jissostitwih b’Maġistrat ieħor li jkun inqas ħerqan jidħol fil-fond dwar il-każ.

Kapaċi nikteb dwar il-ħażen wara l-għotjien ta’ promozzjoni – anke jekk din hi mistħoqqa – lil Maġistrat li f’ħoġru għandu wieħed mill-iktar każi jaħarqu fl-istorja riċenti.

Tibżgħux. Mhux se nikteb dwar dan kollu. Minflok ser nikteb dwar il-pressjonijiet anti-demokratiċi u anti-kostituzzjonali li l-gvern preżenti huwa preparat li jeserċita kontra l-membri tal-ġudikatura. Qed jintużaw kontra l-membri tal-ġudikatura kemm il-possibilità ta’ promozzjoni kif ukoll it-theddida li wieħed jista’ jinqabeż.

F’dan il-kuntest, il-ġudikatura tibqa’ indipendenti sakemm il-gvern jippermettilha li tkun hekk. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-gvern għandu kull interess li jxekkel din l-indipendenza. Il-ġudikatura x’aktarx hi l-unika tarka li fadallu ċ-ċittadin komuni kontra l-oppressjoni: mhux b’kumbinazzjoni li l-mafkar lil Daphne Caruana Galizia jinsab eżatt faċċata tal-Qrati tal-Ġustizzja.

Eventwalment il-ġustizzja għandha mnejn isseħħ. Iżda jeżisti l-periklu li tista’ tibqa’ ma sseħħx għax il-gvern Laburista qed ifittex li jaljena, ixejjen u jfixkel.

Is-sitwazzjoni għadha l-istess: hawn il-ħallelin kull fejn iddawwar wiċċek.