Il-Ħadd li għadda Adrian Delia ħabbar lid-dinja li l-PN mhux se jibqa’ l-partit tal-elitisti. Ejjew nippruvaw nifhmu din x’ried igħid biha.

Il-Ħadd li għadda wkoll Mark Anthony Falzon kiteb dwar kif Joseph Muscat sfrutta l-mentalità intuwittiva tal-partitarji Laburisti li tħares lejn dawk li qed jipprotestaw fit-toroq “b’għajjat ta’ slogans bl-Ingliż” u jagħmlu l-velji għal Daphne Caruana Galizia mgħejjuna mill-“barranin”, bħala persuni b’imneħirhom imxammar li jistmerru lill-ħamalli.

Kemm ilu li tfaċċa fix-xena, Adrian Delia għamel kampanja biex jittrasforma lill-PN f’moviment li jattira nies li għandhom din il-mentalità u dan bis-saħħa ta’ diskorsi retoriċi ta’ eroj tal-ħaddiema li kienu jinżlu tajjeb ferm fil-Maċina qabel dan il-bini ġie konvertit f’lukanda elitista, hu u jittanta jwarrab u “jnaddaf” mill-partit minn biċċa blogger.

Fil-ġimgħat ta’ qabel ir-referendum dwar il-Brexit, dawk favur il-Brexit kienu wissew lin-nies biex jinjoraw lill-esperti għaliex dawn kienu qed ikabbruha u għaliex “in-nies” kienu kapaċi jiddeċiedu għal rashom mingħajr il-ħtieġa li jkollhom l-elitisti jgħidulhom x’għandhom jagħmlu.

Il-kampanja ta’ Donald Trump għelbet lil dik tat-Tea Party, li huwa moviment popolari li nħoloq apposta biex irażżan lill-“elitisti ta’ Washington” tal-Partit Repubblikan.

Iżda ejjew naraw x’inhu jiġri f’darna. B’liema mod kien elitista l-PN? Din mhix mistoqsija retorika. Fil-fatt din l-informazzjoni hi meħtieġa sabiex tgħinna nifhmu kif m’għandux jibqa’ jkun il-partit u, b’konsegwenza, biex nippruvaw nifhmu kif għandu jkun.

Kull min jittanta jwieġeb għal din il-mistoqsija x’aktarx se jkun influwenzat mill-weġgħat ta’ dawk li ma jkunux jistgħu jġerrħu jaraw lill-PN liebes libsa proletarja. Meta l-PN rebaħ maġġoranzi fl-1981, fl-1987, fl-1992, fl-1998, fl-2003 u fl-2008 ma setax kien daqshekk elitista li seta’ jnaffar iktar minn nofs il-poplu. Meta fl-2003 il-PN rebaħ lill-forzi kollha li kienu qed jopponu d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jista’ jkun li serraħ fuq il-pariri tal-esperti iżda ċertament ma naqasx ukoll li jipperswadi lill-kotra biex tappoġġja lill-kawża tiegħu.

Fl-2013  u fl-2017 il-PN tilef bil-kbir. Iżda għall-PN tal-lum dawn it-telfiet seħħew għax kien partit elitista? Dan kif seta’ kien hekk? M’hemmx dubju li hawn ikun jeħtieġ li nifirdu is-snin ta’ qabel l-2013 mis-snin ta’ wara l-2013.

Fis-snin ta’ qabel l-2013, l-applikazzjoni rigoruża tal-liġijiet dwar żvilupp u kostruzzjoni – li issa m’għadhiex daqshekk rigoruża – kienet azzjoni elitista u allura m’hux ta’ min imantniha? Il-PN qed jibdel il-viżjoni tiegħu f’dak li huwa ppjanar u żvilupp urban?

Il-PN kien elitista meta rrifjuta li jikkunsidra l-pjanijiet kbar ta’ John Dalli u meta kien warrab il-manuvrar ta’ Christian Kaelin u ta’ Ilham Aliyev? Għall-PN id-deċiżjoni li kien ħa li jirrifjuta l-għajnuna ta’ Henley bi skambju ma’ impenn biex jinbiegħu il-passaporti kienet waħda elitista? Il-PN issa qed jidhirlu li qabel l-2013 kien messu wiegħed li jagħmel negozju dwar l-enerġija mal-Ażerbajġan?

Il-PN issa jidhirlu li l-protesti li kien jagħmel wara l-2013 kontra l-korruzzjoni fil-politika kienu ta’ natura elitista? Kien elitista l-PN għax insista li Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom jirriżenjaw? Kien elitista l-PN għax ipprotesta kontra l-kenn li l-prim ministru kien qed jagħti lil dawk li nqabdu fil-fatt jekk ma kienx ukoll qed jipprova jgħatti l-ħmieġ tiegħu?

Jiena naħseb li dan l-għaġeb kollu fuq l-elitiżmu m’hu xejn ħlief gabirjola diplomatika fin-negattiv ta’ dak li fil-fatt qed jingħad: ġaladarba l-PN qed igħid x’ma jridx ikun – jiġifieri elitista –  qed igħid ukoll fil-fatt x’irid ikun: jiġifieri populista.

Wara kollox tal-Labour ġabuha żewġ bil-“populiżmu”. L-attakki fuq min jitħaddet bl-Ingliż lil tal-Labour iqarrbilhom il-boċċa qrib il-likk. Iġibuha żewġ tal-Labour meta jippruvaw ixejnu l-gravità tal-korruzzjoni u tal-ħasil tal-flus maħmuġin. L-attakki fuq min hu iżolat lil tal-Labour jinżlulhom għasel. U allura, wara snin sħaħ ta’ battalji ma’ tal-Labour, il-PN issa donnu qed jistaqsi: mhux aħjar naħdmu biex insiru bħalhom?

Huwa minnu li dan kollu qed igħin lil Adrian Delia biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fil-PN u bla dubju wkoll ma’ numru kotran fil-partit li għalihom l-attakki fuq elitisti li qatt ma ltaqgħu magħhom u li ma jafux minn Adam huma relattivament faċli. Fi Frar terz ta’ dawk li vvotaw PN fl-2017 qalu li jafdawh, iżda f’April in-numru ta’ dawn in-nies irdoppja.

Iżda hemm ukoll il-fatt li wara kważi sena, terz ta’ dawk li vvotaw PN fl-2017 għadhom igħidu li ma jafdawħx. U prattikament dawk kollha li vvutaw Labour fl-2017 igħidu li ma jafdawħx. Dan ifisser li, kemm ilu li qiegħed lill-elitisti fil-mira, mill-2017 ma kiseb lura ebda vot mingħand l-anti-elitisti anti-PN li vvotaw Labour.

Issa li l-PN m’għadux il-partit li jattira lill-elitisti, dawk li forsi nistħajjlu li jagħmlu parti minn din il-kategorija ta’ nies issa jistgħu jikkonkludu li l-PN m’għadux ir-refuġju naturali tagħhom. Huwa min ewl id-dinja li, ġaladarba f’Malta m’hawnx numru kbir biżżejjed ta’ sinjuruni u miljunarji, riżultati elettorali m’hux se jiġu effettwati. Adrian Delia m’għandux f’moħħu d-dilemmi li jista’ jkollhom barunijiet kemm tal-aristokrazija kif ukoll dawk tad-delinkwenza.

Jekk hawn kategorija li tista’ tissejjaħ elitista, din hi l-kategorija tal-gradwati, persuni li rċevew edukazzjoni terzjarja u li jaħdmu f’xi professjoni: kienet il-politika tal-PN li kabbret bil-kbir lil din il-kategorija ta’ nies. Daqs kemm ukoll kienet din il-politika li, bejn l-1987 u l-2013, żiedet il-popolazzjoni universitarja bi 15 il-darba.

Għall-ewwel darba l-mexxej tal-Partit Laburista qed igawdi appoġġ mill-gradwati tal-Università akbar minn dak li jgawdi l-mexxej tal-PN. Minkejja l-fatt li kien hemm aktar gradwati li lill-Malta Today qalulha li kien bi ħsibhom jivvutaw PN milli jivvutaw Labour (id-distakk mhux kbir ħafna), Joseph Muscat igawdi aktar fiduċja milli jgawdi Adrian Delia.

Il-gwerra li l-PN iddikjara fuq l-elitisti diġà qed tħalli l-effett tagħha. Nhar il-Ħadd li għadda, ħafna minn dawn ma kellhomx għalfejn jisimgħu id-dikjarazzjoni kategorika li l-PN mhux se jibqa’ jirrappreżentahom. Jidher li dan kienu diġà fehmuh sew.

Dan kollu x’ġid qed iħalli lill-PN? Bħallikieku qed jidher li, fil-ħsieb ta’ Adrian Delia, l-partit tal-massa li wiret jinsab mifni f’taqtiegħa bejn il-klassijiet. Li, bħal Mao waqt ir-Rivoluzzjoni Kulturali, huwa meħtieġ li l-elitisti jissemmew u jitqalftu ‘l barra mill-partit biex b’hekk numru akbar ta’ nies li huma meħtieġa biex jintrebħu l-elezzjonijiet jersaq lejn il-partit.

Jista’ jġibha żewġ? Jista’ jkun.

Minkejja l-fatt li l-partitarji tal-mexxejja ta’ qablu jinsabu mbiegħda mill-partit, Adrian Delia jista’ jkompli jserraħ rasu bil-fatt li l-partiti ż-żgħar f’Malta għadhom m’humiex jaqtgħu sandar. Dawn il-partitarji forsi għadhom m’humiex jafdawh, iżda ma jidhirx li tbiegħdu għal kollox. Għalissa.

Jista’ forsi jittama li x-xorti tibda’ tidħaklu u għal tal-Labour l-affarijiet jibdew imorru żmerċ, li ma jkollux għalfejn jiġi bżonn lill-elitisti jew li ma jkollux il-ħtieġa li joqgħod jiġġieled kontra l-korruzzjoni.

Iżda mbagħad ikun meħtieġ li jdur dawra madwar dak kollu li ħoloq is-suċċessi fl-imgħoddi. Jekk jista’ jgħaddi mingħajr l-imberkin elitisti, kif se nsiru nafu hix taħdem jew le l-istrateġija tiegħu?

Is-sondaġġi jagħtu ħjiel. Iżda m’hemmx dubju li nkunu nafu fejn wasal sena oħra fl-elezzjonijiet Ewropej u dawk lokali.

It-tkeċċija tal-elitisti se jkollha l-effett li tagħti lill-PN 3 siġġijiet fil-Parlament Ewropew kif ukoll maġġoranza tal-voti? It-twarrib ta’ dawk ta’ mneħirhom imxammar se jagħti maġġoranza lill-PN f’lokalitajiet bħas-Siġġiewi, l-Mosta, n-Nadur, San Pawl il-Baħar u l-Belt Valletta?

Il-partitarji mhux elitisti tal-PN populista l-ġdid kif se jkunu jafu li l-istrateġija l-ġdida se tkun popolari biżżejjed biex issalva lill-partit mis-snobbiżmu u biex twasslu lejn il-quċċata populista li ġiet imwiegħda?