Ma segwejtx l-intervista oriġinali fuq Smash TV; qrajt biss dan is-sunt tagħha mxandar f’The Malta Independent. Ma nista’ nsib xejn x’ingħid kontra dak li Alfred Sant ġie kkwotat illi qal.
Huwa tkellem b’mod speċifiku dwar l-Oppożizzjoni Parlamentari. Jista’ jaqbel jew ma jaqbilx miegħi li din m’hix l-unika istituzzjoni – li xogħolha hu li tgħasses il-ħidma tal-gvern – li qegħda tonqos minn dmirha.
Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-Pulizija saret qisha l-fergħa armata tal-Partit Laburista; li l-ġudikanti qegħdin jintagħżlu u jingħataw promozzjonijet b’mod partiġġjan; li l-prosekutur rema’ l-baħar id-diskrezzjoni tiegħu u ssottomettiha għar-rieda u għall-interessi tal-tal-prim ministru.
Il-lista hi twila ġmielha: l-ippjanar sar daħka fil-wiċċ u s-sostenibbilità ambjentali tgħaffġet taħt is-saqajn; ir-regolaturi finanzjarji qed jippresjiedu fuq ċentru tas-servizzi finanzjarji li qed jinbidel f’ħajt ta’ kenn għall-ħallelin.
Fit-tħaddim tad-demokrazija tagħna jkun jeħtieġ li l-organi tal-istat ikunu speċi ta’ oppożizzjoni u għassa fuq il-poter eżekuttiv li jkollu biżżejjed saħħa li jieqaf kontra l-illegalitajiet.
Mhux biżżejjed li wieħed igħid li qegħdin ngħixu f’demokrazija. Jekk inhu hekk, konna ninġabru fit-toroq u niddeċiedu bejnietna b’sempliċi turija tal-idejn għandiex inħallsu t-taxxi, għandniex insalvaw lil dawk li qegħdin jegħrqu fl-ibħra tagħna u għandniex nitimgħu lill-foqra. U li kieku kellna niddeċiedu b’dan il-mod, naħseb li la nħallsu taxxi, la nsalvaw lil min ikun qed jegħreq u lanqas nitimgħu lill-foqra. Konna nkunu qisna l-atturi ewlenin fil-Lord of the Flies.
Dan il-pajjiż m’huwiex sempliċement demokrazija. Pajjiżna huwa repubblika li hi bażata fuq regolamenti u liġijiet li japplikaw għal kulħadd, inklużi għal dawk li għandhom l-appoġġ tal-poplu.
L-Oppożizzjoni Parlamentari hija istituzzjoni fi ħdan ir-repubblika tagħna li għandha responsabbiltà mill-aktar espliċita li topponi lill-gvern. Lanqas ma huwa mistenni mill-Oppożizzjoni li din tkun oġġettiva, newtrali jew bilanċjata. Xogħolha huwa li tfittex l-irqaqat, li tgħasses, li tikxef l-għawwar u li tipprovdi lill-poplu b’alternattiva. Biex tkun tista’ taqdi dmirha kif suppost, l-Oppożizzjoni jeħtieġ li tkun negattiva.
B’kuntrast mal-fehma tal-Oppożizzjoni, Alfred Sant ma jaqbel xejn mal-linja uffiċjali tal-gvern li oppożizzjoni li tikkritika hi waħda “negattiva”.
Isemmi wkoll kwistjoni reali li t-tmexxija preżenti tal-PN ma taħtix għalija hi biss. Il-partit fl-Oppożizzjoni għandu problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani. Dawk li jkunu qed jitħajru li jivvutaw PN għall-ewwel darba – nassumu għal raġunijiet validi — ma jkunux iridu li jgħarblu biss il-kwalitajiet tal-mexxej tal-partit.
Ċertament jeżistu dubji dwar dawn il-kwalitajiet iżda l-kwistjoni tmur lil hinn minnu. Il-poplu jkun jeħtieġ jiddeċiedi jekk l-alternattiva li qed joffri l-PN għall-Ministri preżenti tal-Finanzi, tas-Saħħa jew tal-Edukazzjoni, per eżempju, hi aktar kredibbli u attraenti.
Kif dan l-aħħar stqarr Alistair Campbell dwar il-Partit Laburista tar-Renju Unit, il-PN bħalissa jmissu qed jagħmel xalata. Il-Labour fil-gvern m’humiex xi grankè. Il-politika tiegħu hi nieqsa mill-immaġinazzjoni, il-politika ekonomika tiegħu sserraħ fuq il-qerda tal-ambjent u fuq it-tkissir tar-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż u l-kuxjenza soċjali tiegħu hi waħda Barokka. Allura x’inhi r-raġuni li s-sondaġġi huma daqshekk ħżiena għall-PN?
Alfred Sant jistaqsi jekk huwiex minnu li nies kapaċi jippreferu li jagħmlu l-flus minn negozji milli jaħdmu fi ħdan il-PN. Din hija spjegazzjoni valida għaliex sakemm Alfred Sant m’huwiex jimplika li l-politiċi Laburisti daħlu għall-ħajja fil-politika biex jagħmlu l-flus — jista’ jkun li proprju hekk qiegħed jagħmel — il-fatt li min jidħol għall-politika attiva f’Malta jitħallas bis-sittiet għandu jeffettwa ħażin lill-partiti kollha b’mod ugwali.
Iżda hemm ukoll raġunijiet aktar serji. Meta partit idum snin twal fil-gvern, il-ġenerazzjonijiet li jkunu telgħin jispiċċaw jaqilgħuha fuq rashom daqs l-antiki. Mill-2013 ‘l hawn, il-PN warrab numru kbir ta’ persuni bil-għan li jipprova jibqa’ jidher frisk u nadif. U jidher li l-PN għadu sal-lum ma xebgħax iwarrab in-nies minn ħdanu.
L-attentat biex jinqata’ mill-imgħoddi tiegħu – forsi l-aktar ħaġa pożittiva li għandu – spiċċa biex qered ir-riżorsi li kellu l-partit għad-dispożizzjoni tiegħu u dan qabel seta’ jarma b’riżorsi ġodda.
Barra minn hekk, il-PN għaddej minn fażi ideoloġika konfuża u jinsab nieqes minn dik il-ġibda politika li tattira lin-nies. Il-PN qed jippretendi l-approvazzjoni għal diskors li mhux talli għadu ma xandarx iżda li saħansitra għadu ma nkitibx.
Dawn huma l-problemi tal-PN, dejjem jekk dawn jinteressawk. Iżda anki jekk dawn il-problemi ma jinteressawk xejn, din hi sitwazzjoni tal-biki għad-demokrazija f’pajjiżna. Sitwazzjoni li qed tippermetti lil tal-Labour jagħmlu li jridu. Lanqas huwa meħtieġ għalihom li jżidu fl-arroganza għax jemmnu li d-destin tagħhom hu li jżommu s-setgħa f’idejhom għal dejjem.
Il-PN jista’ xi darba jibda’ jieħu r-ruħ? Min jista’ jimla l-vojt li l-PN qed iħalli warajh?
Iżda din hija kwistjoni sekondarja. Il-mistoqsija fundamentali fi din: jista’ jibqa’ jkollna demokrazija jekk ma jibqgħalniex għażla?