Felix Cini, saċerdat li fl-2004 kien ġie kundannat fl-Italja talli ta fastidju li 17 il-tifel u li kien inqabad mill-Pulizija jniżżel pornografija tat-tfal fil-kompjuter tiegħu, ingħata permess mill-Kurja Maltija biex jiċċelebra l-Quddiesa fil-parroċċa ta’ Bormla “f’okkażjonijiet speċjali”.

Dawn ir-ritratti ttieħdu waqt il-Quddiesa u l-purċissjoni tal-Pentekoste ta’ din is-sena li fiha Felix Cini u saċerdoti oħra mexxew tfal li pparteċipaw għall-ewwel darba għall-ewwel tqarbina. Ir-ritratti għandhom il-watermark tal-knisja parrokkjali.

Felix Cini jinsab fuq il-lemin.

Fl-2010 Felix Cini kien tkeċċa minn parroċċa Taljana hekk kif il-parruċċani saru jafu bil-kundanna li kien qala’ sitt snin qabel. Wara protesti li saru mill-ġenituri ta’ tfal żgħar fil-parroċċa ta’ Cercemaggiore fir-reġjun tal-Molise, il-Vatikan ordna lil Felix Cini biex jitlaq mill-parroċċa u ngħata xogħol li fih ma kellux kuntatt mat-tfal u maż-żgħażagħ.

L-istorja dwar Felix Cini xxandret f’Malta fl-2010 u l-Kurja Maltija kienet stqarret li s-saċerdot kien ilu ma jersaq lejn Malta minn meta kien ingħata l-kundanna fl-2004 u li kien serva f’Malta “għal inqas minn sena bejn l-1995 u l-1996”. Dak iż-żmien il-Kurja kienet insistiet ma’ The Malta Independent on Sunday li Felix Cini “m’huwiex membru tad-Djoċesi Maltija u ma jaqax taħt id-dixxiplina tal-awtoritajiet ta’ din id-Djoċesi”.

Waqt li kien l-Italja Felix Cini ħadem f’Cinigiano fit-Toskana. Fl-2003 arrestawh il-Pulizija u l-qorti ordnat li jiġi arrestat f’daru. Huwa ċaħad l-akkużi li saru kontra tiegħu u stqarr li kien lest jaħfer lil min għamillu l-ħsara. Iżda meta ġie konfrontat minn 17-il xhud ilkoll tal-età ta’ bejn 10 u 14 il-sena li lkoll ikkonfermaw li Felix Cini kien tahom fastidju, huwa aċċetta li jammetti l-ħtija dment li ma jingħatax sentenza effettiva ta’ ħabs. Fil-fatt huwa ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs ta’ sentejn u sitt xhur.

Fis-sentenza tagħha l-qorti ordnat li għall-bqija ta’ ħajtu ma setax jaħdem mat-tfal u l-isqof tiegħu ssospendieħ mill-ħidma saċerdotali.

Għaddew sitt snin u Felix Cini spiċċa sar kappillan ta’ Cercemaggiore sakemm grupp ta’ ġenituri żgħażagħ ipprotestaw mal-Vatikan minħabba s-sentenza tal-qorti li kellu kontrih u ma tħalliex jaħdem f’xogħol parrokkjali. Madankollu kien hemm uħud fil-parroċċa li appoġġjawh u pprotestaw hekk kif tneħħa mill-kariga.

Fl-2010 il-kummissarju Taljan għat-tfal (Tutore Pubblico dei Minori) kiteb lill-Kardinali Claudio Hummes u William Joseph Levada biex jinfurmahom dwar il-passat ta’ Felix Cini u dwar il-kundanna li kellu mill-qorti. Minkejja l-intervent tal-awtoritajiet ċivili Taljani, Felix Cini ma tneħħitlux is-suttana mill-Vatikan.

Minkejja s-sospensjoni għal għomru, Felix Cini issa tfaċċa fil-parroċċa ta’ Bormla. Meta ġiet mitluba tispjega, il-Kurja Maltija qaltli li “Dun Felix Cini jinsab Malta biex ikun ta’ assistenza għal ommu li tinsab ma tiflaħx”.

Il-Knisja Maltija qalet li Dun Cini huwa “inkardinat” fid-djoċesi ta’ Grosseto fl-Italja. L-Isqof tiegħu ta’ din il-belt “informa lill-Arċidjoċesi ta’ Malta li Dun Cini kien talab li jmur Malta biex ikun ma’ ġenb ommu”.

Il-Kurja żdiedet tgħid li “l-kappillan ta’ Bormla jaf bis-sitwazzjoni u bil-ministeru limitat li qed jeżerċita Dun Cini li jista’ biss jikkonċelebra l-Quddiesa jekk jingħata permess. L-Arċisqof ta permess lil Dun Cini biex jikkonċelebra l-Quddiesa f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħalma huma l-funerali ta’ qraba u ta’ ġirien, u f’okkażjonijiet oħra speċjali tal-parroċċa”.

Ġejt infumat minn xi għejjun li, mill-perspettiva tal-kongregazzjoni ta’ Bormla, Felix Cini jagħmel parti mill-kleru tal-parroċċa.

L-informazzjoni dwar il-kundanna ta’ Felix Cini twasslitli minn rapporti ta’ Vladimiro Polchi fil-ġurnal Il Tirreno. L-informazzjoni dwar it-tneħħija tiegħu minn Cercemaggiore ittieħdet minn Oggi Nuovo Molise.