Sar ħafna diskors dwar in-nuqqas ta’ provi dwar komunikazzjoni li setgħet saret bejn tan-Nexia BT u tal-Mossack Fonseca fil-Panama dwar sid l-Egrant.
Minn rapport dwar investigazzjonijiet li saru fl-Istat ta’ Nevada fl-Istati Uniti dwar l-operat ta’ Mossack Fonseca, jirriżulta li din id-ditta kienet tat struzzjonijiet lis-central computing system tagħha fil-Panama kif ukoll lill-kumpannija sussidjarja tagħha fin-Nevada sabiex dawn iħassru mit-telefons u mill-komputers tagħhom kull informazzjoni potenzjalment inkriminanti jew imbarazzanti li kellhom dwar klijenti biex b’hekk is-sistema tal-ġustizzja Amerikana tibqa’ fil-għama dwarhom.
Per eżempju, f’waħda mill-e-mails li nbagħtet fl-2014 ingħataw struzzjonijiet biex “titgħatta mill-investigaturi” kull rabta li kien hemm bejn Mossack Fonseca u l-uffiċċju tal-istess ditta f’Nevada.
Fiż-żmien meta nħolqot Egrant Inc., tan-Nexia BT kienu wkoll l-uffiċċju f’Malta tal-Mossack Fonseca u kienu jġibu l-isem Mossack Fonseca (Malta) Ltd.
Fil-qorti ta’ Nevada, wieħed mis-sidien ta’ Mossack Fonseca Juergen Mossack xehed bil-ġurament li “Mossack Fonseca mhix sid il-MF Nevada u li Mossack Fonseca ma tindaħalx fit-tmexxija ta’ MF Nevada”.
Madankollu din ix-xhieda li ngħatat taħt ġurament jidher li ntefa’ dell fuqha hekk kif tal-International Consortium of Journalists baxx baxx xandru e-mails li ntbagħtu minn Mossack Fonseca.
Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li mpjegat tad-ditta saħansitra vvjaġġa mill-Panama lejn Las Vegas biex joħroġ id-dokumenti barra mill-pajjiż. Skond e-mail li ntbagħat fl-24 ta’ Settembru 2014, “meta Andres wasal f’Nevada ġabar kollox u ħa miegħu id-dokumenti kollha lejn il-Panama”.
Biex waslet għall-konklużjoni li Joseph Muscat u l-familja tiegħu m’humiex is-sidien tal-Egrant, l-inkjesta tal-Maġistrat straħet fuq il-kontenut ta’ korrispondenza dokumentata li għaddiet bejn tan-Nexia BT u tal-Mossack Fonseca bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien meta kien seħħ it-tħassir tal-informazzjoni f’uffiċċju sussidjarju tal-Mossack Fonseca.