Dalgħodu fil-Malta Today Raphael Vassallo tgħidx kemm semmieni (aktar ‘l isfel issibu l-artiklu). Għallinqas kellu d-diċenza li jitfa’ r-rabja tiegħu fuqi u mhux fuq il-mira preferita tal-imgħallmin tiegħu: Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha. Diċenza li Martin Scicluna, fl-artiklu li kiteb dalgħodu fit-Times of Malta, ma kellux.

Iżda ta’ min josserva li, meta jagħtu struzzjonijiet lill-portavuċijiet tagħhom dwar liema suġġett għandu jiġi trattat u liema linja għandha tittieħed fil-kitba tagħhom, ta’ Kastilja għandhom jaraw li din il-kitba ma tixxandarx fl-istess ġurnata. Għax kollox jidher maħdum bizzilla.

Biex inkun ġust, irrid ngħid li Raphael Vassallo bena’ argument fis-sens li jien qed nipprova nkabbar l-iskandlu tal-ħasil tal-flus tal-Veneżwela bl-istess mod li twasslet l-istorja dwar Egrant. 

Tinsab żbaljat, Raphael Vassallo. 

L-istituzzjonijiet qed jonqsu li jħarsu lil dan il-pajjiż mill-ħasil tal-flus maħmuġin għax huma dgħajjfin. M’għandu x’jaqsam xejn il-fatt li l-pajjiż ilu jsostni l-industrija tas-servizzi finanzjarji għal snin twal sa minn żmien il-gvernijiet Nazzjonalisti. Issa qed naraw il-konsegwenzi kollha ma’ wiċċna u ma nistgħux nibqgħu ninjorawhom.

Raphael Vassallo ferħan se jtir li l-Pilatus Bank, fejn Keith Schembri kellu kontijiet bankarji, m’għandu xejn x’jaqsam mal-iskandlu tal-Veneżwela. Jidher, madankollu, li teżisti rabta ma’ Sparkasse Bank.  Raphael Vassallo interessat li jsir jaf li Keith Schembri kellu x’jaqsam sew ma’ dan il-bank ukoll?

U dawn ir-rabtiet ma seħħewx kumbinazzjoni. Jeħtieġ li xi ħadd jispjega għaliex f’pajjiżna il-pulizija kważi qatt ma tmexxi b’azzjonijiet fil-qorti kontra min jaħsel il-flus maħmuġin u l-investigazzjonijiet isiru u l-azzjonjiet fil-qorti jinbdew biss meta ninqabdu fuq sieq waħda mill-awtoritajiet federali Amerikani.

Jeħtieġ nammettu li sirna nafu bl-ismijiet tal-kumpannija u tal-bank involuti fl-iskandlu tal-Veneżwela bis-saħħa tal-fatt li l-Amerikani għoġobhom isemmu lil Malta fl-akkużi li għamlu fil-qorti. U jeħtieġ nammettu wkoll li l-ismijiet spiċċaw ixxandru għaliex bdew jifformaw is-suspetti li l-klikka ta’ Joseph Muscat seta’ kellha f’idejha ħafna aktar informazzjoni dwar l-iskandlu milli hu maħsub li kellha.

U allura bilġri marru bl-informazzjoni għand tal-Malta Today biex mingħalihom joqtlu l-istorja qabel tkompli tikber. Dan fil-fatt jikkonferma li l-klikka ta’ Joseph Muscat kellha aktar informazzjoni li nżammet mistura f’kommitha.

It-Times of Malta tal-lum tgħidilna li l-awtoritajiet Maltin kienu ilhom madwar sentejn jafu li kien qed iberraq f’Portmann Capital. U madankollu, nhar it-Tlieta li għadda, bil-kalma kollha l-awtoritajiet marru fl-uffiċċju ta’ din il-kumpannija u ġabru l-kompjuters tagħha. Dan ġara’ jumejn sħaħ wara li xxandar l-isem ta’ Portmann Capital u wara li ngħataw twissija li ser tittieħed azzjoni ġaladarba l-Amerikani kienu kixfu kollox.

Dan ifakkarkom f’xi ħaġa? Iva, jfakkarna f’dik l-għodwa f’April wara li fil-lejl ta’ qabel kienu seħħew dawk ix-xeni drammatiċi quddiem il-Pilatus Bank.

Fil-liġijiet tagħna, min itarraf kelma lil min ikun suspettat b’ħasil ta’ flus ikun qed jikkommetti reat kriminali: dan għaliex il-ħassiela tal-flus jistgħu malajr jgħattu xturhom u jaħbu l-provi. U l-gvern tagħna reġa’ koppi u reġa’ kkommetta dan ir-reat meta xandar l-ismijiet tal-kumpannija u tal-bank suspettati biex b’hekk fetħilhom għajnejhom u tahom avviż ta’ 48 siegħa qabel ippermetta l-aġenziji tal-infurzar biex – taparsi u għal għajn in-nies – jidhru li qed jinfurzaw.

Allura, iva, f’dan il-kuntest l-iskandu tal-Veneżwela huwa Egrant ieħor.

Għalkemm Raphael Vassallo jgħid li ser jistenna biex ikollu f’idejh xi ħaġa iswed fl-abjad li tiċċertifika li seħħet xi ħaġa illegali, naħseb li fadallu x’jistenna u dan in vista tal-fatt li l-aġenziji tal-infurzar jinsabu taħt il-kontroll tal-kriminali nnifishom.

Il-poplu għandu jkun mgħarraf li l-gvern kien ilu jaf snin sħaħ b’dan l-iskandlu enormi ta’ ħasil ta’ flus li fih hemm involut wieħed mill-banek favoriti taċ-chief of staff tal-prim ministru – bank li kellha x’jaqsam miegħu għal snin twal il-kumpannija sigrieta tiegħu Colsons – u li ċċaqlaq biss meta qomsu l-Amerikani permezz tal-aġenziji tal-infurzar tagħhom.

Il-poplu għandu jkun mgħarraf u għandu dritt jagħmel il-mistoqsijiet kollha li hemm bżonn. Jeħtieġ li ssir l-għassa ma’ min suppost qed igħasses.

Raphael Vassallo ifakkarna li jien kont “viċin Austin Gatt sal-2013”. Kont għal Austin Gatt dak li  – għallinqas fuq il-karta – jidher li huwa Keith Schembri għal Joseph Muscat. Qatt ma nħbejt wara subgħajja dwar il-fehmiet tiegħi. Kif tarani pinġini.

Iżda Raphael Vassallo u l-ġurnal li jikteb fuqu, għalkemm dan ma jammettiħx, jiċċaqalqu biss meta Keith Schembri jiġbed l-ispaga. Iridha ta’ ġurnalist iżda jitmeżmeż u joqgħod lura milli jagħmel il-mistoqsijiet lis-setgħana u jistenna li f’ħoġru jaqa’ ċertifikat iswed fl-abjad li jiċċertifika li seħħet illegalità. Il-fehmiet tiegħi jien qatt ma ħbejthom. Iżda lill-qarrejja tiegħu Raphael Vassallo, minflok jagħtihom is-servizz mistenni billi jikxef lis-setgħana u lill-korrotti, jheda jgħaddihom biż-żmien.

Kemm fil-każ tal-Egrant kif ukoll fil-każ tal-Veneżwela, xogħolu hu li jagħmel mistoqsijiet pertinenti u ibsin. Għalkemm huma każijiet differenti, it-tnejn għandhom rabta mal-infurzar dgħajjef, mal-kriminalità internazzjonali u mal-korruzzjoni. U din l-istorja għandu jkun hemm xi ħadd li jirrakkuntaha.

Raphael Vassallo jaħseb li xogħlu jikkonsisti filli jappella lill-ġurnalisti biex lis-setgħana ma jkomplux jistaqsuhom, ma jkomplux isegwuhom u ma jkomplux jinvestigawhom sakemm xi ħadd – tgħid min? – joħroġ ċertifikat iswed fl-abjad li s-setgħana huma wkoll korrotti.

Fl-artiklu tiegħu tal-lum Martin Scicluna kiteb li l-konklużjoni tal-Egrant (għalih il-każ huwa konkluż) kissret il-pretensjonijiet arroganti ta’ xi attivisti psewdo-politiċi. M’għandix dubju li hawn qed jirreferi għalija u dawk li jaqraw u jaqblu ma’ dak li nikteb.

Iva, Martin Scicluna, nippretendu bi dritt li f’dan il-pajjiż għandu jkollna gvern nadif, separazzjoni netta bejn min jagħmel il-liġijiet u min jinfurzahom, azzjoni kontra l-illegalitajiet li jeżistu fil-oqsma ekonomiċi u ħarsien tas-saltna tad-dritt. 

Tista’ tgħajjarna bl-arroganza kemm trid u kemm jogħġbok imma naċċertak li m’aħniex se nieqfu sakemm dak li qed nippretendu bi dritt iseħħ.