Il-ħruq li seħħ fil-miżbla tal-Magħtab m’hi xejn ħlief diżastru. Minħabba d-dħaħen li żviluppaw, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed iwissi lin-nies biex jibqgħu f’darhom u biex iżommu t-twieqi maqfulin biex jiġi evitat kuntatt ma’ dħaħen tossiċi. Nittamaw li d-dħaħen jittajjru mir-riħ għal fuq il-baħar.
Jeħtieġ niftakru li fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013, il-Partit Laburista kien għamel kruċjati sħaħ kontra l-fabbriki tal-kanċer u kontra t-trab iswed. U mbagħad bir-rieni tal-gvern f’idejhom, raw kif għamlu biex qatgħu nifs il-kumpannija dwar l-immaniġjar tal-iskart bl-impjiegi li taw lil ruxxmata bażuli.
M’għandniex xi ngħidu, tal-Labour iwieġbu fil-pront li anke l-PN fil-gvern kien qeda’ n-nies tiegħu b’impjiegi mal-kumpannija: din is-sitwazzjoni taf tkun is-suġġett ta’ diskussjoni interessanti dwar il-mod kif l-impjiegi mal-gvern f’dan il-pajjiż jintużaw bħala lixka. Iżda dan kollu ma jgħinx li min jipprova jifhem ir-raġunijiet għaliex fil-Wasteserv kollox mar żmerċ.
Qabel isseħibna fl-Unjoni Ewropea, il-Magħtab kien l-akbar sfida ambjentali li kellna. Meta Malta kienet qed tinnegozja l-kundizzjonijiet tas-sħubija, l-gvern talab li jingħata għajnuna finanzjarja urġenti biex jiġi evitat diżastru ambjentali f’dan il-post. Kummissarji Ewropej ittajru fuq il-Magħtab permezz ta’ ħelikopters tal-armata bħallikieku kienu qegħdin iżuru xi żona tal-gwerra.
Intefqu miljuni fuq miljuni biex id-diżastru ambjentali ma jseħħx. Sa l-2013 kienu ntemmu l-intejjen u l-post beda’ jieħu lewn aħdar bis-siġar u bix-xtieli.
M’hemmx dubju li l-amministrazzjoni preżenti hi ħatja ta’ inkompetenza. Dak li ġara llum huwa t-tieni diżastru ambjentali fi żmien sena. Is-sena li għaddiet kien hemm ħruq fl-impjant ta’ Sant’ Antnin bir-riżultat li l-arja tal-inħawi ġiet velenata. L-inkjesta dwar dan id-diżastru għadha sal-lum m’għalqitx. Tgġid il-gvern se jiċħad li l-ġibjuni tal-impjant kienu nixfin mill-ilma meta seħħ il-ħruq?
Sean wara l-ħruq f’Sant’ Antnin, oqsma mdaqqsa tal-pajjiż qed jieħdu n-nifs taħt sħaba ta’ arja tossika li qegħda tagħmel ħsara kbira lill-art, lill-ilma, lill-għelieqi, lill-iskejjel, il-knejjes u lid-djar.
Il-ġenituri qed iżommu l-uliedhom id-dar, it-turisti qed iżommu lura milli jmorru f’xatt il-baħar u ħaddiema li jaħdmu fl-inħawi qed jieħdu s-sick leave.
Din waqfa mhux ħażin fir-roadmap li tfasslet fl-2013 biex naslu għall-aqwa żmien. Min jaf, forsi llejla l-Ministru Jose’ Herrera jitħajjar iqabbad kaxxa nfernali max-xatt tal-Magħtab u jwiegħed li l-fdalijiet jinħabru minn wiċċ il-baħar.
B’hekk ikun jista’ jieħu grokk bis-saħħa taċ-Chernobyl ta’ pajjiżna.
The photo with this story is by TVM.