Gvernijiet Laburisti m’għamlu xejn ta’ barra minn hawn. Il-gvern li għandna llum żgur ma vvinta xejn ġdid. Gvernijiet Nazzjonalisti wkoll kienu jibgħatu ċekkijiet lil bosta persuni bħala rifużjoni ta’ ħaġa jew oħra. M’hux daqstant importanti min jagħmel dawn l-affarijiet: din il-prattika hi waħda populista, mimlija ħela u bla skop.

Illum il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li l-gvern se jwettaq wegħda elettorali Laburista billi jagħmel pagament prattikament lil kull min iħallas it-taxxa. Dawk li s-sena li għaddiet qalgħu inqas minn €15,000 se jirċievu €68. U kull min qala’ sa €60,000 se jirċievi ftit anqas.

Dawn il-ħlasijiet se jfissru spiża totali ta’ €11.4 million u dan mingħajr ma wieħed iqis l-ispejjeż amministrattivi, dawk tal-istampar taċ-ċekkijiet u l-ispejjeż tal-posta u tal-ipproċessar ta’ kull pagament individwali. Anki l-carbon footprint ta’ dan l-eżerċizzju huwa m’għola s-smewwiet.

Din il-miżura sserraħ fuq il-perċezzjoni ġenerali li l-gvern huwa ‘ħaddieħor’. U allura jeħtieġ li nkunu grati għal dawn il-ħlasijiet li jitqiesu bħallikieku huma xi manna nieżla mis-sema jew xita qliel fil-bnazzi: m’għandniex xi ngħidu, l-gvern moħħu fil-ġbir tal-premju politiku.

Fi tweet, il-prim ministru dan sejjaħlu “prosperità bi skop”.

Ftit kien hawn taglines imdendlin ma’ ċekk adatti daqs dan. Il-ħlas ta’ darba ta’ ammonti li jvarjaw bejn l-€40 u t-€68 lin-nies mhux se jagħmilhom aktar sinjuri. Ċertament hi aħbar tajba għal dawk li jirraġunaw li “aħjar minn daqqa ta’ trakk”. Jew li “qatt ma rrifjutajna qamħ”. 

Dan se jkun ħlas li se jintesa’ malli jitħallsu l-ispejjeż tal-iskola tat-tfal jew ma’ l-ewwel pizza li tinxtara.

Dan il-ħlas la se jagħmel sinjur lil kull min jirċievih u lanqas jista’ jitqies bħala spiża bi skop. Għaliex filwaqt li l-ħlas individwali ta’ xi ftit ewro mhux se jagħmel differenza għall-ispiża ta’ kuljum tal-familja, il-ħruġ malajr malajr ta’ €12 miljun mill-kaxxa ta’ Malta hija spiża konsiderevoli.

Fejn għandu x’jaqsam l-infieq ta’ flejjes pubbliċi, l-aktar kritika faċli li tista’ ssir lill-Ministri tal-Finanzi hi dwar kif dawn setgħu nefqu l-flus aħjar. Filwaqt li setgħu intefqu flus biex inxtraw aktar lożor għall-isptarijiet, setgħu ġew iffrankati flejjes ta’ safar fil-business class. Jew setgħu ġew iffrankati flejjes li soltu jintefqu f’riċevimenti barra minn Malta biex dawn jintefqu għall-irranġar ta’ xi playing field.

M’għandix grazzja mar-raġunar superfiċjali. Iżda nista’ ngħid b’saħħa li ġaladarba l-gvern sab €12 miljun mill-kaxxa ta’ Malta, kien ikun ferm aħjar li kieku ddeċieda li jonfoqhom għall-ġid komuni milli  jispezzettahom fi frazzjonijiet ċkejknin.

Darb’oħra l-Ministru tal-Finanzi jmissu jdur fuq sħabu u jitlobhom igħaddulu l-ideat tagħhom dwar kif tista’ ssir nefqa bħal din għall-ġid komuni. €12 il-miljun jistgħu jagħmlu differenza kbira għal ħajjet x’uħud.