Hawn mhux qed nirreferi għal xi forka metaforika. Hawn għandna każ fejn qed tiġi suġġerita l-għoti tal-forka u l-Ministru tal-Finanzi, għal ġieħna professur u suppost l-immaġni tal-moderazzjoni għal wiċċ id-dinja, b’ħerqa joħroġ isaħħan l-irjus b’appoġġ.

Imma f’liema pajjiż fid-dinja jiġri li ministru joħroġ b’ċuċata madornali bħal din u jibqa’ jċafċaf fil-wiċċ?

Għalkemm qajla jistħoqqlu, ejjew nagħtu lil Edward Scicluna l-benefiċċju tad-dubju dwar jekk huwiex favur il-forka  – speċjalment għal dawk li ma jaqblux miegħu politikament – jew le.

Li kieku kien raġel, l-ewwel ħaġa li messu għamel hi li jiskuża ruħu bla dewmien. Minflok għame dan, kompla jsaħħan l-irjus b’kitba stil faxxista li politiku “li jitkellem kontra Malta” huwa traditur.  U għal dan, it-trolls wieġbu bi ħġarhom u b’isteriżmu liema bħalu talbu li tingħata l-forka, s-swat u anke l-mewt lil ewroparlamentari ma jiddejjaqx igħid li l-gvern bl-imġieba tiegħu stess qed jagħmel il-ħsara lill-pajjiż.

Kieku ried seta’ skuża ruħu talli għamel “like” għal kumment li għamel xi ħadd li xtaq jara lil David Casa mejjet imdendel min għonqu.

Iżda meta tara li, permezz ta’ kitbietu, kien hu stess li ta l-bidu għal ċiklu ta’ mibgħeda u ta’ vjolenza verbali minn marmalja li hi lesta tqatta’ lil David Casa biċċiet, apoloġija tkun barra minn lokha.

Meta Edward Scicluna għamel dik il-“like” għal min xtaq il-forka għal David Casa bħal donnu ħa pjaċir bil-fatt li rnexxielu isaħħan l-irjus ta’ dawk il-boloħ li spiċċaw stqarrew dak li xtaq jistqarr huwa stess.

Edward Scicluna int ma tafx tistħi. Dabbar rasek minnufiħ. Il-forka u l-vjolenza m’għandniex x’irriduhom. Kulma nenħtieġu hi r-riżenja tiegħek u applikazzjoni biex tibda’ tiġbed il-pensjoni.