Ftit ħafna huma dawk li kwart ta’ biljun ewro ixommuhom, aħseb u ara jarawhom b’għajnejhom. Ċifri bħal dawn qajla jagħmlu sens mal-biċċa l-kbira tal-poplu. Mhux għax il-poplu ma jafx igħodd sal-għaxra. Iżda għaliex ċifri bħal dawn huma ta’ barra minn hawn u lil hinn mir-realtà li fiha jgħixu n-nies.

Il-gvern qed iserraħ fuq din ir-realtà hu u jittanta jbenġilha dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ madwar kwart ta’ biljun ewro lil konsorzju magħżul minnu li hu ffurmat minn James Caterers u db Group.

Kwart ta’ miljun ftit ħafna huma dawk li jistgħu jimmaġinawhom u jmissuhom. Aħseb u ara kwart ta’ biljun.

€250,000,000 hi kemxa ġmielha u tammonta għal aktar minn nofs il-programm kapitali kollu li jonfoq il-gvern f’sena. Nofs l-infieq li jagħmel il-gvern f’sena fuq proġetti kapitali se jsir b’riżq konsorzju wieħed li ma kkompetiex għall-kuntratt.

Kif jidher minn dan ir-rapport fit-Times of Malta il-gvern, għax jaf li diskors bħal dan dwar ċifri jmur lil hinn mir-realtà ta’ kuljum tal-biċċa l-kbira tan-nies, qed joħroġ b’ħafna skużi bla sens.

L-ewwel skuża li ħareġ biha hi li għalkemm il-kuntratt ingħata b’mod dirett, dan ingħata wara li saru negozjati u li kien hemm “proċedura negozjata”. Il-gvern bħal speċi jrid iserrħilna rasna li l-kuntratturi ma qabdux u għamlu offerta u dlonk ġie ffirmat il-kuntratt.

Mhux minn ewl id-dinja li saru n-negozjati? Iżda dan waħdu kif jista’ qatt iserraħ l-irjus? Kif qatt nistgħu insiru nafu li m’hemmx xi ħaddieħor li għandu l-kapaċità li jwettaq l-istess xogħol bi prezz irħas? Kif qatt nistgħu insiru nafu li m’hemmx xi ħaddieħor fl-Unjoni Ewropea li għandu aktar esperjenza fil-bini tal-isptarijiet milli għandhom kumpannija tal-catering u lukandier?

It-tieni skuża hi li n-negozjati segwew l-għażla tal-konsorzju li saret wara li twettaq proċess ta’ offerti għal kuntratt ieħor (li jiswa’ ħames darbiet inqas mill-kuntratt li spiċċaw iffirmaw). Hekk sew allura? Ejjew nimmaġinaw li int sid ta’ lukanda u toħroġ sejħa għall-offerti għall-forniment ta’ xugamani ġodda. Ditta li tipproduċi t-tessuti tirbaħ l-offerta iżda, hekk kif din tingħażel, toffri wkoll li tistalla l-liftijiet ġodda. Għalkemm id-ditta tifhem dwar it-tessuti, m’għandha esperjenza ta’ xejn fejn tidħol l-installazzjoni tal-liftijiet. Barra minn dan, inqast li tgħarbel sew kemm jitħallsu dawk li xogħolhom proprju hu l-installazzjoni tal-liftijiet u ma tlabthomx igħaddulek stima. Allura tkun ħaġa sewwa jekk int tibqa’ tinsisti li tiffirma l-kuntratt għall-installazzjoni tal-liftijiet mal-fornitur tax-xugamani?

Tabilħaqq dan għandu jkun il-kriterju li permezz tiegħu wieħed għandu jwieżen in-nefqa pubblika. Dawk li ffirmaw il-kuntratt hekk kienu jagħmlu li kieku kien hemm l-infiq ta’ flushom fin-nofs? Għandi nifhem li le.

U mbagħad Edward Scicluna, bla mistħija ta’ xejn, jiġi jgħidilna li ma kienx jaf b’din id-direct order. Imisshom jafu aħjar dawk li qed jibilgħu akkużi li l-“ġurnalisti huma giddibin”. Kien messu straħ fuq dak li rrappurtat is-Sunday Times of Malta biex intebaħ x’kien għaddej  meta l-karti dwar din id-direct order bla preċedent sabu ruħħom fuq l-iskrivanija tiegħu.

Ministru, il-mazz jinsab f’idejk. Il-kaxxa ta’ Malta suppost int qed tħarisha. Jekk kont int li ddeċidejt li estensjoni ta’ sptar għandha ssir b’direct order u ddeċidejt li din id-deċiżjoni hi ġustifikata, allura għandu jkollok il-kuraġġ li tiddefendi deċiżjoni bħal din. Iżda jekk ma kontx int li tajt il-barka, xogħol Ministru tal-Finanzi x’taħseb li hu?

Meta Edward Scicluna ammetta pubblikament li ma kien jaf xejn dwar dan il-kuntratt, kien qed jammetti wkoll li ma jafx x’inhu jagħmel. U ma jafx x’inhu jagħmel jew għax libes żarbun li ma jiġieħx jew imkella għaliex mhux hu l-kmand fil-Ministeru tiegħu stess.

Tana prova oħra li ma jiswa’ xejn.